L-Arċisqof Pawlu Cremona, nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011, żar u bierek il-post fi Triq il-Mall il-Furjana, minn fejn se jkun jopera s-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija. L-uffiċċini ta’ dan is-Segretarjat, li qabel kienu fil-Kurja tal-Arċisqof, ġew trasferiti matul is-sajf. Il-bini li qed jospita dawn l-uffiċċini ħa diversi snin biex tlesta. Il-ħtieġa ta’ trasferiment ilha tinħass minħabba l-bżonn ta’ aktar koordinament bejn dawk li jaħdmu għas-servizz fl-iskejjel tal-Knisja. Mas-Segretarjat jaħdmu mas-60 persuna li jinkludu fost oħrajn professjonisti, kapijiet tad-dipartiment tas-suġġetti u staff amministrattiv.
Is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija huwa l-uffiċċju ċentrali tal-iskejjel tal-Knisja li llum jgħoddu mal-ħamsin skola bejn kindergartens, primarji, sekondarji u sixth forms. Is-Segretarjat joffri diversi servizzi fosthom li jibgħat lill-iskejjel is-salarji dovuti lilhom u jżomm rekord tal-impjegati kollha tal-Iskejjel tal-Knisja. Is-Segretarjat jieħu ħsieb ukoll id‑diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tal-Edukazzjoni u t-trade unions. Is-Segretarjat jieħu ħsieb ukoll l-amministrazzjoni tad-diversi servizzi li jingħataw fl-iskejjel tal-Knisja.
Id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja huwa proċess ieħor li s-Segretarjat huwa responsabbli għalih. Minn din is-sena qed jiġi allokat uffiċċju u impjegat full-time għal dan ix-xogħol tant delikat. Ta’ min jinnota li s‑sena l-oħra kien hemm mal-erbat elf applikant – mal-elf u tmien mija sabu post f’xi skola tal-Knisja. Dan il-proċess beda f’Jannar 2011 bl-applikazzjonijiet u għalaq f’dawn il-granet.
Fis-Segretarjat jaħdmu wkoll grupp ta’ social workers li jgħin lill-istudenti u kultant lill-ġenituri fil‑bżonnijiet soċjali tagħhom; żewġ psikologi edukattivi jassessjaw il-ħtiġijiet edukattivi tal-istudenti; diversi counsellors li jżuru l-iskejjel b’mod regolari u jgħinu lill-istudenti fid-diffikultajiet tagħhom; il-kordinaturi tal-inklużjoni jaraw liema tfal għandhom bżonn jidhru quddiem l-istatementing moderating panel u jgħinu lill-iskejjel fl-edukazzjoni ta’ tfal b’xi diżabilità jew kundizzzjoni; numru ta’ kordinaturi oħra jikkordinaw programmi bħal Let me Learn u l-Malta Writing Programme u l-Literacy Support Teachers. Dawn il-programmi huma ndirizzati għall-għalliema li jixtiequ jkomplu jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom tat-tagħlim.
Hemm wkoll numru konsiderevoli ta’ kapijiet tad-dipartiment tas-suġġetti. Dawn huma għalliema li jgħallmu fl-iskejjel iżda jumejn fil-ġimgħa jżuru l-iskejjel sabiex jissapportjaw u jiltaqgħu mal‑għalliema tas-suġġett tagħhom. Dawn jieħdu ħsieb jorganizzaw ukoll korsijiet qosra għall-għalliema.
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija huwa mexxi minn Fr Charles Mallia O.Carm., Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Nisranija u Dr Rose Anne Cuschieri, Direttur għas-Servizzi Edukattivi.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]om