Il-ħames doni li Dun Karm jitlob għalihom fl-Innu Malti, id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem, huma doni li ġejjin mingħand il-Mulej. Għax Dan Karm jgħallimna nitolbu, “Agħti kbir Alla” id-dehen, il-ħniena, s-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
F’din it-tielet riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li naħsbu ftit fuq id-don tas-saħħa. Aħna meta naħsbu fuq is-saħħa mill-ewwel niftakru fis-saħħa fiżika, imma hemm ukoll is-saħħa psikoloġika u s-saħħa spiritwali. Kelma oħra sabiħa tas-salvazzjoni li ġabilna Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet hija l-kelma ‘saħħa’ – salus. Allura, il-kelma ‘salvazzjoni’ hi propju l-istedina li aħna ngħixu s-saħħa b’mod sħiħ; is-saħħa fiżika li nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u anke ta’ ħaddieħor; is-saħħa psikoloġika li nieħu ħsieb it-trankwillità ta’ moħħi, is-safa ta’ qalbi, u wkoll ngħin lil ħaddieħor, speċjalment min ikun f’diffikultà, speċjalment fid-diffikultà kbira tas-solitudni. Imma hemm ukoll is-saħħa spiritwali, l-aħwa. Aħna wkoll nitolbu biex bħala poplu jkollna wkoll mhux biss is-saħħa fiżika individwali, imma wkoll ikollna s-saħħa bħala nazzjon, ikollna l-futur fit-tul. Is-saħħa, wara kollox, hi li l-ħajja tiegħek tagħmilha sabiħa. Aħna ngħidu li wieħed mill-ikbar doni hija s-saħħa. Ħafna minna jgħidu, “X’jista’ li jkollok kollox imma ma jkollokx is-saħħa?” Meta żżur lil xi ħadd l-isptar tifhem kemm is-saħħa hija importanti.
F’dan ir-Randan u f’dan l-Għid Imqaddes Ġesù ġej fostna bħala t-Tabib tar-Ruħ. Allura hemm bżonn naċċettaw li għandna bżonn it-tabib, u nifhmu li f’xi aspetti tal-ħajja tagħna aħna morda. Imma waqt li nitolbu d-don tas-saħħa, nitolbu wkoll li pajjiżna jkollu l-futur.
Jiena, waqt li nitlob id-don tas-saħħa għalina, nitlob ukoll għad-don sabiħ tal-ulied, skont kif irid Alla u skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull wieħed u waħda minna. Imma nifhmu li l-kultura tagħna —li lit-tarbija twennisha u tilqagħha— hija kultura sabiħa li tassigura s-saħħa tal-poplu tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta