Dun Karm, fl-Innu Malti talab għal ħames doni. Talab għad-dehen, talab għall-ħniena, għas-saħħa, għall-għaqda u s-sliem.
Fir-raba’ riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li nieqfu naħsbu ftit fuq id-don tal-għaqda. L-għaqda hija l-armonija ta’ bejnietna; l-għaqda ġejja mill-fatt li aħna nistmaw lil xulxin u niddeċiedu li naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed. L-għaqda hija s-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna. Illum nitolbu għad-don tal-għaqda fil-familja, l-għaqda fil-parroċċi tagħna, u l-għaqda fil-Knisja Mqaddsa. Imma l-għaqda wkoll fl-Istat tagħna li din is-sena qiegħed jiċċelebra 60 sena ta’ indipendenza, ħamsin sena ta’ repubblika.
Nitolbu biex aħna naħdmu għall-għaqda, anke meta f’ċerti affarijiet li ma naqblux fuqhom għax forsi naħsbu li huma importanti imma importanti ħafna mhumiex. Billi ma naqblux fid-dettalji, billi ma naqblux bejnietna, huwa sinjal ta’ diversità, ta’ perspettivi differenti, ta’ mod differenti kif naħsbu. Imma dan ma jfissirx li għandna nobogħdu jew niġġieldu ma’ xulxin. Ejjew niftehmu li fuq ċerti affarijiet ma naqblux, imma sena naħdmu flimkien għalenija. L-għaqda hija don sabiħ li aħna nitolbu fuq is-soċjetajiet kollha tal-bnedmin: bejn il-koppji tagħna, fil-familja tagħna, fuq ix-xogħol, u anke fis-soċjetà tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta