-
-
“L-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet, fil-livelli kollha tas-soċjetà, hija parti sħiħa mill-impenn biex inħaddnu l-valuri demokratiċi, u nissalvagwardjaw id-drittijiet umani universali.” Dan kien wieħed mill-messaġġi li wasslet il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca meta għamlet id-diskors tal-ftuħ fil-konferenza “Every Life Matters” fil-Grand Hotel Excelsior. Il-konferenza kellha l-għan li tqajjem għarfien dwar l-inklużjoni u t-theddid li jiffaċċjaw persuni b’diżabiltajiet, li ħajjithom hija mhedda sa mill-bidu tagħha fil-ġuf.
Il-President qalet li huwa essenzjali għalina li dejjem nippromwovu, nipprijoritizzaw u nipproteġu id-dinjità intrinsika tal-persuna umana. Dan huwa meħtieġ speċjalment f’dan iż-żmien meta pajjiżna għaddej minn tibdiliet storiċi fl-isfera ta’ leġiżlazzjoni u politika li jittrattaw oqsma sensittivi ta’ kura riproduttiva. Hija qalet li temmen li hu meħtieġ li l-professjonisti kollha tagħna, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll membri tal-komunitajiet milquta, jieħdu sehem fi djalogu rispettabbli fuq kwistjonijiet ta’ etika daqshekk importanti.
Il-President għamlet referenza għall-individwi u familji li kellhom esperjenzi personali ta’ xi jfisser tgħix b’diżabiltajiet u li kellhom l-opportunità jagħtu din ix-xhieda fil-konferenza u qalet: “Intom l-esperti ta’ ħajjitkom u hija ir-responsabbiltà tagħna li nagħtu widen għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħkom.”
F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li f’dawn l-aħħar ħamsin sena, bis-saħħa ta’ pijunieri fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, il-persuni b’diżabilità għamlu kisbiet kbar f’dak li huma drittijiet, inklużjoni soċjali u servizzi u ta’ dan għandna għalfejn inħossuna kburin għalkemm għad baqa’ ħafna x’isir. Dan kollu hu frott ta’ żieda fl-għarfien tad-dinjità li għandhom iġawdu l-persuni d’diżabilità bħala ċittadini ndaqs.
Fr Martin qal li din il-konferenza għandha l-iskop li tisfidana biex naħdmu lkoll bħala soċjetà biex nieqfu nħarsu lejn id-differenza bħala xi theddida imma bħala xi ħaġa li tagħnina. “Irridu nieqfu nħarsu lejn il-bniedem minn lenti li tqis kemm kapaċi jipproduċi u kemm kapaċi jitla’ l-iskaluni tas-suċċess. Irridu nħarsu lejn kull bniedem bħala uniku, irripetibbli, u prezzjuż – għani fl-umanità u fl-ispiritwalità; irridu nħarsu lejn kull bniedem fid-dawl mhux tant ta’ kemm għandu valur imma bħala xi ħadd li jgawdi dinjità inkalkulabbli. Soċjetà vera titkejjel biss mir-rispett li bih tħares lejn kull persuna.”
“Aħna, li nemmnu li Every Life Matters, inweġġgħu meta niltaqgħu ma’ ġenituri li qed jistennew tarbija u li forsi jiffaċċjaw riskji minħabba l-età jew raġunijiet oħra, li jaqsmu magħna l-esperjenzi tagħhom dwar il-pariri li jkunu ingħataw minn ginekoloġi, professjonisti jew nies oħra biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa ħalli, jekk jirriżulta xi ħaġa, ‘iħaddmu rashom’.”
Fr Martin temm jgħid li “aħna, li nemmnu li Every Life Matters, nixtiequ nibqgħu ngħixu f’soċjetà li tgawdi minn leġiżlazzjoni li tħares dejjem id-dritt tal-ħajja f’kull stadju tagħha bla ma tagħżel min għandu jgħix jew imut.”
Kien hemm żewġ diskorsi ewlenin. L-ewwel wieħed mill-Prof Carmen Martinez Cue tal-One of Us Federation li iffokat fuq l-avvanzi u riċerki ġodda fit-trattament ta’ persuni bid-Down Syndrome. Prof Martinez Cue hija Associate Professor tal-Farmakoloġija fil-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Cantabria fi Spanja. Wara kien hemm intervent minn Dr Domenico Coviello dwar l-aspetti mediċi u etiċi fl-għażla u fl-eżaminar qabel it-twelid tal-embrijun. Dr Coviello huwa bħalissa d-Direttur tal-Laboratorju tal-Ġenetika Umana fl-Isptar Galliera f’Genoa fejn ilu minn Marzu 2010.
Saru testimonjanzi minn Joeanne Xerri u Vanessa Portanier, żewġ ommijiet li qed irabbu tfal b’diżabilità kif ukoll minn Amy Camilleri Zahra li għandha diżabilità.
Id-diskors tal-għeluq sar minn Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-konferenza “Every Life Matters” kienet organizzata mill-Life Network Foundation Malta u Id-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-One Of Us Federation u LeJeune Foundation.
-
-
Ritratti: DOI