Fl-aħħar jiem il-Papa ssokta bir-riflessjonijiet tiegħu relatati ma’ kif il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt jistruttura ħajjitna u l-istorja umana. Il-Papa rrakkonta storja u qal li ħaddiem umli fil-Kurja ta’ Buenos Aires, missier ta’ tmint itfal li ilu jaħdem hemm għall-aħħar tletin sena, qabel ma jibda x-xogħol li jkollu jagħmel dejjem jippronunzja l-kelma ‘Ġesu’. U Franġisku qal li darba staqsieh għalfejn, bir-raġel iwieġbu li meta jagħmel hekk, iħossu b’saħħtu, iħossu abbli li jagħmel xogħlu għax jaf li Ġesu miegħu u jieħu ħsiebu.
Papa Franġisku rrifletta u qal li “dan ir-raġel qatt ma studja teoloġija, imma għandu biss il-grazzja tal-magħmudija u l-qawwa tal-Ispirtu. Pero x-xiehda tiegħu swietli ta’ ġid għax fakkritni li f’dinja fejn għandna ħafna salvaturi, huwa biss l-isem ta’ Ġesu li fil-verita isalva”.
IL-PAPA DWAR KAŻI TA’ ABBUŻ SESSWALI MINN MEMBRI TAL-KLERU
Iktar kmieni fil-jiem li għaddew, preċiżament tliet ġimgħat wara li sar ragħaj tal-Knisja Kattolika, Papa Franġisku tkellem għall-ewwel darba dwar l-abbużi sesswali ta’ saċerdoti u reliġjużi fuq tfal taħt l-età.
Waqt il-laqgħa li kellu mal-Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, Mons. Gerhard Ludwig Mueller, il-Papa talbu biex il-Kongregazzjoni tkompli timxi fuq il-passi li ried il-Papa Emeritu Benedittu XVI u li fejn hemm bżonn tittieħed azzjoni immedjata f’każi dwar abbużi sesswali.
Skont stqarrija maħruġa mill-Kongregazzjoni tal-Fidi, il-Papa jrid li jiġu msaħħa aktar il-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal u anke tingħata iktar għajnuna lil dawk in-nies li fil-passat għaddew minn vjolenza.
Il-Papa tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li jittieħdu l-proċeduri fil-konfront tal-persuni li wettqu dawn l-abbużi.
Papa Franġisku saħaq ħafna dwar l-importanza li l-Knisja tiġġieled bis-sħiħ din il-kriżi, li l-aktar infirxet fl-Istati Uniti, fl-Irlanda, fil-pajjiżi Ewropej u anke fl-Awstralja, u dan għaliex fi kliem il-Papa, il-Knisja Kattolika għadha fiċ-ċans turi l-kredibilità tagħha.
Fi tmiem il-laqgħa mal-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi, il-Papa qal li fit-talb tiegħu dejjem jiftakar fil-vittmi ta’ dawn l-abbużi.
Fl-2011, meta l-Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi kien għadu l-Isqof Malti Mons Charles J. Scicluna, il-Kongregazzjoni kienet laqqgħet lill-Isqfijiet kollha ta’ madwar id-dinja biex ikunu jistgħu joħroġu b’sett ta’ linji gwida dwar x’għajnuna għandha tingħata lill-vittmi ta’ abbużi, it-taħriġ meħtieġ għas-saċerdoti u r-reliġjużi, kif għandhom jiġu trattati l-qassisin akkużati b’abbuż sesswali u anke kif il-Knisja għandha tikkollabora mal-awtoritajiet lokali.