Il-paġna tal-Vatikan fuq l-internet Pope2you.net, dal-Milied għamlitha possibbli sabiex tintbagħat kartolina personalizzata tal-Milied lill-Papa permezz ta’ ittra elettronika jew permezz tal-Facebook. Il-koordinatur tal-proġett, Fr Paolo Padrini, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet reliġjużi Zenit dwar il-karatteristiċi l-ġodda li dis-sena għandu dan is-sit internet għal żmien il-Milied.
Meta tidħol fis-sit, imnedi f’Mejju li għadda mill-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, int mistieden tikklikkja fuq “Send the Pope your Christmas Greetings” biex tibgħat ix-xewqat tiegħek lill-Papa. Tista’ timxi pass pass mal-istruzzjonijiet provduti lilek fuq is-sit biex saħansitra tippersonalizza l-kartolina tiegħek, jekk trid anki b’xi ritratt.
Pope2you.net qed toffri wkoll l-opportunita li wieħed jagħmel użu mill-Facebook biex iwassal ix-xewqat tiegħu għal daż-żmien tal-Milied lill-ħbieb permezz ta’ kartolina li fiha ritratt tal-Papa meħud mill-Oservatore Romano, akkumpanjat minn messaġġ ta’ paċi u tama mill-Papa. Il-kartolini jistgħu jintbagħtu bl-Ingliż, bit-Taljan, bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż. Hemm erba’ għażliet minn fejn wieħed jista’ jagħżel.
Pope2you.net hija s-sit uffiċjali tal-Vatikan u għandha l-għan li twassal il-messaġġ u l-kliem tal-Papa liż-żgħażagħ. Fit mien xhur biss, is-sit irreġistra 7 miljun żjara!