L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Jum il-Gradwazzjoni hu jum ta’ ferħ u sodisfazzjon għalikom, għeżież ħbieb, u għal dawk kollha li akkumpanjawkom tul is-snin fil-korsijiet tagħkom. Hu ta’ sodisfazzjon akbar speċjalment meta tqisu tant xkiel u diffikultajiet li kellkom tħabbtu wiċċkom magħhom f’dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija, li ħarbtet il-ħajja ta’ ħafna u kienet ta’ dannu għas-saħħa mentali ta’ ħafna.

Nixtieq minn qalbi nifirħilkom u nifraħ magħkom. Intom qed taħsdu dak li żrajtu, u tagħmlu dan bil-ferħ. Għandkom għal xiex tifirħu. Flimkien ukoll nirringrazzjaw lil Alla, li minnu jiġina kull ġid, għall-għajnuna kollha li takom fl-istudji tagħkom, u għal dawk kollha li għenukom fil-mixja tagħkom fl-Università bl-akbar responsabbiltà. Dan l-ispirtu ta’ gratitudni jagħmel il-ħajja tagħna sabiħa, meta nkunu kapaċi nirrikonoxxu s-sehem ta’ min għenna biex wasalna fejn aħna.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum qed issir f’dan il-kuntest partikulari ikrah fid-dinja, fejn pajjiż jinsab isofri invażjoni b’ħafna vittmi u ħsara, u b’eluf kbar li jkollu jħallu lil pajjiżhom – gwerra b’konsegwenzi terribbli għad-dinja kollha. Nitolbu llum għall-poplu tal-Ukrajna, li hu assedjat u umiljat, u niftakru fl-istudenti kemm fl-Ukrajna kif ukoll fir-Russja li minħabba l-prepotenza ta’ min għandu l-poter, spiċċaw vittmi jew bil-futur tagħhom rovinat.

Iktar ma naraw l-umanità mkasbra, iktar għandna nagħrfu l-ħtieġa li naqdu r-responsabbiltajiet tagħna għall-ġid tas-soċjetà u tad-dinja. Nemmen li intom għandkom f’qalbkom it-tama li dak li tgħallimtu fl-Università jista’ jservikom ta’ siwi kbir għall-ħajja u li ż-żmien li għaddejtu fl-istudju jibqa’ għalikom ta’ ispirazzjoni u kuraġġ biex timxu ’l quddiem.

Valuri

Nixtieq inħeġġiġkom illum biex il-ħajja tagħkom tibnuha fuq is-sod, fuq dak li jibqa’. Rajna fl-Evanġelju dak li jgħid Ġesù fuq il-bniedem għaqli li jibni daru fuq il-blat. Għax bena fis-sod, niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar imma ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq is-sod. Bil-kontra, min bena daru fuq ir-ramel ra kollox jiġġarraf u jinqered meta qamet il-maltempata. Għalhekk, inħeġġiġkom biex tibnu l-futur tagħkom fuq il-valuri li jagħtu sisien tajbin għall-ħajja tagħkom.

Il-Mulej jagħtikom il-grazzja li jkollkom il-kuraġġ li ma ċċedux għall-pressjoni, lanqas jekk mal-pressjoni biex tagħmel dak li hu ħażin ikun hemm imdendel rigal attraenti. Is-soċjetà Maltija għandha bżonn persuni ta’ fibra.

Ibnu fis-sod, mhux fuq ir-ramel. Tkunu qed tagħmlu dan meta tgħożżu, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħkom, il-valuri tal-integrità, tal-onestà, tal-ġustizzja, tal-verità, li jwasslukom biex tagħżlu t-tajjeb u taħdmu għall-ġid komuni. Tkunu fejn tkunu fil-professjoni tagħkom, se jkollkom sfida biex tagħżlu dawn il-valuri, għax mhux kulħadd jemmen li dawn qegħdin biex idawlu l-għażliet tal-ħajja, u madwarkom żgur se taraw ħafna li hu l-kontra ta’ dawn il-valuri.

F’dan kollu, nixtieqkom iżżommu dejjem f’moħħkom: it-tajjeb jibqa’ tajjeb anke jekk ħafna ma jkunux qed jagħmluh, bħalma l-ħażin jibqa’ ħażin anke jekk kulħadd qed jagħmlu. Kunu rġiel u nisa ta’ konvinzjoni mhux ta’ konvenjenza. Il-Mulej jagħtikom il-grazzja li jkollkom il-kuraġġ li ma ċċedux għall-pressjoni, lanqas jekk mal-pressjoni biex tagħmel dak li hu ħażin ikun hemm imdendel rigal attraenti. Is-soċjetà Maltija għandha bżonn persuni ta’ fibra.

F’dan kollu, nawguralkom li jkollkom ukoll il-kapaċità kritika li tgħinkom biex l-iswed tgħidulu iswed u l-abjad tgħidulu abjad, u fil-mument ta’ prova ma ssirux kompliċi mal-ħażin minħabba l-biża’.

Servizz

Tkunu qed tibnu fis-sod meta teżerċitaw il-professjoni tagħkom b’sens kbir ta’ servizz u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-persuni li magħhom intom tittrattaw. Ġesù għallimna li hemm insibu tassew il-milja fil-ħajja tagħna: mhux meta ninqdew bin-nies għall-iskopijiet tagħna, jew meta nħarsu lejn l-oħrajn bħala mezz għall-gwadann tagħna, imma meta nagħtu servizz bi mħabba vera lejn kulħadd. Dan hu li jagħmel il-ħidma tagħkom bħala professjonisti ħidma li tħalli ħafna ġid.

Tħallux li l-ħidma tagħkom tkun immarkata mill-arroganza. Ftakru li t-tjubija u l-ġentilezza huma sinjali mhux ta’ dgħufija imma ta’ qawwa. Kif jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Efesin: “Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor… kunu twajba ma’ xulxin”.

Aħdmu biex fil-qadi ta’ dmirijietkom u fis-servizz li tagħtu, ma tagħmlux idolu lill-flus

Aħdmu biex fil-qadi ta’ dmirijietkom u fis-servizz li tagħtu, ma tagħmlux idolu lill-flus. Kemm jagħmel ikrah meta l-flus ikunu sidien tagħna, b’mod li dejjem ikollna l-kilba ħa jkollna iżjed u iżjed, u b’mod li n-nies inħarsu lejhom biss mil-lenti ta’ kemm se jrendu! Jekk il-flus flok mezz xieraq isiru l-għan ewlieni, tagħkom ikun bini fuq ir-ramel.

Impenn

Nixtieq inħeġġiġkom tkunu nies ta’ impenn, lesti tagħtu sehemkom fis-soċjetà. Għandkom ħafna x’tistgħu tikkontribwixxu, u bil-kreattività u l-enerġija taż-żgħożija tagħkom, tistgħu tagħtu kontribut tassew pożittiv u siewi. Anke jekk tiltaqgħu ma’ diversi eżempji ta’ nies li użaw il-pożizzjoni tagħhom biex jistagħnu huma, tħallux dawn jaqtgħulkom qalbkom u ma jħallukomx tieħdu sehem attiv, sa fejn tistgħu u bl-aħjar mod li tistgħu. Is-sehem li tistgħu tagħtu hu fil-preżent, mhux biss fil-futur – bħalissa. Hu b’dal-mod li tistgħu tkunu messaġġiera tat-tama, aġenti ta’ bidla, ta’ trasformazzjoni pożittiva fis-soċjetà Maltija llum.

Fil-kontribut tagħkom, sfida kontinwa hi wkoll il-ħidma mal-oħrajn, u din hi sfida akbar kultant għal min ikun studja u speċjalizza f’xi qasam partikulari. Imma, bħalma turikom l-esperjenza stess tagħkom fl-Università, hi bil-ħidma flimkien li tistgħu toħolqu xi ħaġa sabiħa.

Għeżież ħbieb, nawguralkom minn qalbi. Għalhekk se nitlob f’din il-quddiesa llum: biex il-Mulej iberikkom, ikun magħkom ħalli tibnu fis-sod u b’hekk tagħmlu tassew suċċess fil-professjoni tagħkom.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju