Kien jum li 44 persuna ġejjin minn madwar id-dinja se jibqgħu jiftakru hekk kif irċevew mill-Papa l-Konfirmazzjoni fi Pjazza San Pietru, f’attivita organizzata bħala parti mis-Sena tal-Fidi. Waqt l-omelija, Papa Franġisku fisser il-viżjoni ta’ San Ġwann l-appostlu fl-Apokalissi u qal li dan ifakkarna fil-jum li lkoll inħarsu ‘l quddiem lejh, meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’Alla għal dejjem. Filwaqt li kompla jiffoka fuq il-liturġija, irrefera għall-qari mill-Atti tal-Appostli u kkwota lil Pawlu u l-Barnaba jitkellmu dwar il-ħafna sfidi li jrid jiffaċċja min irid jidħol fis-saltna ta’ Alla. Iżid ifisser li l-vjaġġ tal-Knisja u l-vjaġġ individwali ta’ kull nisrani mhuwiex wieħed faċli minħabba ostakli li qal li huma parti mit-triq li twassal għall-glorja t’Alla.
Il-Papa dar ukoll fuq dawk li kellhom jirċievu l-Konfirmazzjoni u fuq il-folla fi Pjazza San Pietru u ħeġġiġhom biex ilkoll jibqgħu diterminati fil-vjaġġ tal-fidi tagħhom, b’tama sħiħa fil-Mulej, li ddeskrivieh bħala s-sigriet tal-vjaġġ. Il-konfermandi, bl-etajiet tagħhom ivarjaw minn 11 sa 55 sena, kienu ġejjin mill-Italja, mir-Rumanija, mill-Irlanda u saħansitra mill-Istati Uniti tal-Amerika, fost oħrajn. Il-Papa talab lill-Madonna tgħinnhom ikunu attenti għal dak li Alla jitlob minnhom u sabiex jgħixu mnebbħin kontinwament mill-Ispirtu s-Santu.