L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Huwa ta’ ferħ kbir għalija li ningħaqad man-nies ta’ din il-belt Cospicua, in-nies ta’ Bormla llum huma u jifirħu b’dan l-anniversarju għażiż: il-115-il sena minn meta l-Kardinal Domenico Ferrata, Legat tal-Papa, Inkuruna l-kwadru titulari. Nistgħu nsejħulu kapulavur tal-artist Malti Caruana.
Xi jfisser dan il-ġest tan-nies ta’ Bormla 115-il sena ilu, li l-kwadru tal-Immakulata Kunċizzjoni jiżżejjen b’kuruna ta’ ġieħ? Il-kwadru fih innifsu, bil-Missier Etern iħares b’ħarsa ta’ mħabba u ta’ għaxqa fuq il-kapulavur tiegħu Marija ta’ Nazaret, jurina diġà li dan il-kwadru kien jitlob li jiżżejjen b’din il-kuruna ta’ ġieħ. Alla nnifsu f’idejh għandu kuruna ta’ ward abjad u aħmar lesta biex biha jinkuruna lil din l-Omm ta’ Ibnu li kellha tgħaddi mis-safa għall-martirju, li kellha tgħaddi mill-bjuda ta’ ruħha għall-espressjoni l-iżjed għolja tal-karità.
Imma n-nies ta’ Bormla, li jżejnu l-kwadru tal-Kunċizzjoni b’kuruna, x’kien ifisser? Kien ifisser biss sinjal ta’ ġieħ? Jien ngħid li kien ifisser mhux biss turija ta’ rispett u qima, ta’ devozzjoni vera, imma impenn li f’kull għawġ u fis-seklu li bih bdiet l-inkurunazzjoni, għaddiet minn ħafna għawġ id-dinja, inkluż Bormla, jibqgħu jitolbu l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija. Il-kuruna tad-deheb safi u prezzjuż hija sinjal ta’ xi ħaġa iżjed prezzjuża li hija l-qalb ġeneruża tal-Bormliżi, tal-poplu kollu tagħna li meta ħass il-bżonn dejjem irrikorra għall-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.
F’dawn il-ġranet meta aħna fil-galleriji u t-twieqi tagħna b’sinjal ta’ solidarjetà bejnietna qegħdin nuru bi kburija l-bandiera għażiża ta’ pajjiżna, dik li hija bajda u ħamra biss kif xtaqha Dun Karm, ħadt pjaċir ninnota l-inizjattiva tal-Bormliżi li jżejnu l-gallarijiet, il-faċċati tad-djar tagħhom bl-ilwien ta’ pajjiżna, bil-banidera għażiża ta’ Malta u fiha hemm talba ħerqana u xbieha għażiża tal-Kunċizzjoni. Din hija sinjal kemm-il Bormliżi minn dejjem kienu konvinti li f’kull tip ta’ saram u għawġ, se jsibu fl-Immakulata Kunċizzjoni l-avukata tagħhom. Mhux ta’ b’xejn fl-Innu li l-Knisja għallmitna li bih insellmu lil Marija bħala Sultana, għandna dawn it-titli sbieħ. Aħna x’ngħidulha fis-Salve Reġina? Sliem għalik, Sultana, Omm tal-ħniena! Tama tagħna, sliem għalik.
U jekk aħna u nfakkru l-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari, irridu nfakkru li dakinhar fl-1905 Bormla kkonfermat l-għażla tagħha li r-reġina ta’ din il-belt ma tkun ħadd ħlief Sidtna Marija. Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, tama tagħna, sliem għalik.
Illum insellmu lill-Kunċizzjoni b’dawn it-titli sbieħ tas-Salve Regina Omm tal-ħniena. Huwa wkoll titlu li l-Papa Franġisku, ftit tal-jiem ilu fis-19 ta’ Ġunju fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù ordna li nżiduh fil-Litanija Lawretna, fil-Litanija li aħna ngħidu wara r-rużarju. Hu semma dawn iż-żewġ titli, spirati mis-Salve Regina: Omma tal-Ħniena, Omm tat-Tama u wkoll żied Faraġ tal-Migranti. Dawn it-tliet titli huma titli għeżież, huma titli attwali mhux biss għad-dinja imma wkoll għall-pajjiżna.
Jekk aħna nifirħu llum bl-inkurunazzjoni ta’ kwadru titulari ta’ Caruana, meqjum f’dan it-tempju, li tiegħu San Ġorġ Preca kien tant devot, anzi devotissmu, li x’aktarx quddiemu kien spirat jikteb dak l-innu sabiħ ‘Il Vesti Sonoris – il-Libsa ta’ Ġieħ lill-Madonna’, dak li hu xtaq ikun f’kull qasam tas-soċjetà tiegħu, ikollu kopja tal-kwadru tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Quddiem dan il-kwadru aħna llum f’għaqda sħiħa mal-Papa Franġisku lill-Madonna reġina tagħna, insellmulha bħala Omm tal-Ħniena. Imma nimpenjaw ruħna li mal-kuruna għażiża li aħna tajnieha 115-il sena ilu, nuru ħniena ma’ xulxin. Jekk aħna llum insellmulha bħala Omm it-Tama, ejjew nitolbu li aħna ma jkollna l-ebda tama oħra ħlief f’Binha Ġesù għax la hija Omm it-Tama mela t-tama tagħna huwa Binha u għalhekk hija Omm it-Tama.
Aħna nsellmulha wkoll bħala Faraġ tal-Imnikktin, bħala Faraġ tal-midinbin imma wkoll Faraġ tal-Migranti u nsellmu lil tant ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li telqu l-gżejjer tagħna. Kienu huma migranti li sabu futur, ġid u tama f’pajjiżi oħra u permezz tagħhom ibbenifikajna aħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-ħniena u t-tama li sibna aħna jkollna l-ġenerożità naqsmuha ma’ ħaddieħor.
Għaliex jekk l-inkurunazzjoni tal-Kunċizzjoni tal-kwadru titulari tagħha bħal-lum ma jfissirx impenn konkret, allura għad baqagħlna fejn naħdmu fuqna nfusna. Imma jiena persważ li d- devozzjoni, il-ħeġġa, l-imħabba li intom, għeżież Bormliżi, urejtu dak is-sinjal ta’ dawk il-bnadar daqshekk kommoventi, mhuwiex kwistjoni biss tal-okkażżjoni imma huwa għatx li aħna lkoll nersqu lejn il-Mulej Ġesù.
U issa li l-Knisja għażiża għalikom li fiha t-teżori kbar tal-kwadru titulari u tal-istatwa titulari, issa li hija miftuħa, tkun imżejna mhux bid-deheb u l-fidda, imma bil-preżenza ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Intom il-kuruna tal-Kunċizzjoni, intom il-vera teżor tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Il-qalb tagħkom, il-ħarsa ħelwa tagħkom, l-imħabba tagħkom. Intom inkurunajtuha għax tħobbuha u intom tafu li tħobbkom. Ibqgħu kunu kuruna ta’ ġieħ madwar il-Kunċizzjoni billi t-tempju tagħha ma jsirx mużew imma jibqa’ kuruna ta’ ġieħ bil-preżenza tagħkom.
Insellem lir-Reverdissimu arċipriet u lill-kapitolari kollha għaliex il-predeċessuri tagħhom b’dan il-ġest li qegħdin infakkru llum, riedu jesprimu imħabba qawwija. Illum l-imħabba tagħna li tfisser bil-preżenza tagħkom u ta’ dan jiena nixtieq nirringrazzjakom u nberikkom u magħkom minn qalbi toħroġ l-għajta: Viva l-Immakulata Kunċizzjoni!
Issa bħala talba li se ngħidu flimkien jixraq li ngħidu s-Salve Reġina. Inqumu bilwieqfa u din tkun it-talba tal-fidi tagħna llum għax aħna nixtiquha u nieħdu pjaċir narawha nkurunata, allura nsellmulha bl-antifona li għallmitna l-Knisja. Sliem għalik, Sultana!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 3: 9-15.20
Salm: 97
Evanġelju: Lq 1: 26-38