Il‑Ħamis 12 ta’ Settembru 2024, id‑Dar tal‑Providenza tfakkar id‑59 anniversarju tagħha. 59 sena ilu, Dun Mikiel Azzopardi, b’Lm100 f’idejh mogħtija minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala, ta bidu għad‑Dar tal‑Providenza, l‑ewwel Dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Sal-lum id‑Dar tal‑Providenza għada miraklu ħaj tal‑Providenza Divina.
Illum, 59 sena wara, id‑Dar tal‑Providenza, bl‑appoġġ sħiħ tal‑poplu Malti u Għawdxi, b’għajnuna tal‑ħafna volontiera u b’appoġġ finanzjarju, minbarra fis‑Siġġiewi, għandha erbat idjar oħra fil‑komunitajiet tas‑Siġġiewi stess, Birkirkara, il‑Qawra u ż‑Żurrieq. Dawn id‑djar jospitaw madwar 115‑il persuna b’diżabilità mogħnija bir‑rispett, drittijiet u dinjità tagħhom.
Meta nħarsu lura lejn is-snin bikrin tas-sittinijiet ma nistgħux ninsew it‑tħassib inkwetanti ta’ Dun Mikiel għall‑qagħda tal‑persuni b’diżabilità li fi kliemu stess kienu moħbija u mwarrba. Kien skopra li diversi persuni b’diżabilità kienu qed jgħixu fi stat deplorevoli, tant li kienu jinħbew fil‑kantini, f’ambjenti inumani għall‑aħħar, fejn kultant l‑anqas l‑aħwa tagħhom stess ma kienu jkunu jafu bihom.
Kien hawn li nibtet fih l‑idea li jsib post li fih dawn il‑persuni jsibu ambjent fejn jgħixu ‑ ambjent li jixirqilhom u jirrispetta d‑dinjità tagħhom. Ħafna kienu dak li spjegawlu li biex jagħmel dan il‑proġett ried ħafna fondi. Imma Dun Mikiel kien jemmen bis‑sħiħ li l‑Providenza ta’ Alla hi bla limitu, bħalma bla limitu huma l‑valuri tal‑ġustizzja u s‑solidarjetà.
It-12 ta’ Settembru huwa jum li fih nirringrazzjaw lil Alla li lil Malta ta lil Dun Mikiel li welled u xettel id-Dar tal-Providenza, id-Dar, li kif kien iħobb jgħid il-mibki Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, hija d-dar ta’ kulħadd.