L-istqarrija tal-Moviment IVA li ħarġet illum dwar id-dikajarazzjoni ta’ nullita` turi konfużjoni dwar numru ta’ punti mportanti fid-differenza bejn id-divorzju u dikjarazzjoni ta’ nullita`. L-eżempji li ssemmi l-istqarrija dwar problemi li jinqalgħu wara numru ta’ snin ta’ żwieġ, jekk ma jkollhomx l-għeruq tagħhom f’sitwazzjonijiet li kienu jeżistu fil-mument tal-kunsens taż-żwieġ, ma jistgħux ikunu bażi ta’ dikjarazzjoni ta’ nullita` la mill-Qorti Ċivili u l-anqas mit-Tribunal tal-Knisja. Jistgħu jkunu raġuni għal separazzjoni. L-eżempji li ssemmi l-Istqarrija tal-Moviment IVA huma kapriċċi ta’ min ma jridx jibqa’ jerfa’ responsabbilta` tal-ħajja li daħal għaliha u ta’ dan il-kapriċċ, bid-divorzju jingħata premju li jkun jista’ jiżżewweġ lil persuna oħra wara li jkun ħoloq tbatija lil martu jew lil żewġha skont il-każ u lil uliedhom.
Il-Moviment IVA, għal raġunijiet li jafhom hu, ma semmiex li biex wieħed jieħu d-divorzju li jrid idaħħal f’pajjiżna m’hemmx bżonn li jkun hemm ir-raġunijiet li qed isemmi fl-Istqarrija u fil-fatt m’hemm bżonn tal-ebda raġuni.
L-istqarrija tal-Moviment Iva tgħid li għandna ftehim bejn il-Knisja u l-Istat fejn l-annullament tal-Knisja għandu precedenza fuq dak tal-Istat. Dan mhux korrett. Il-Ftehim juri li l-preċedenza tingħata lil mod ta’ kif beda ż-żwieġ. Dan ifisser li jekk tnejn jiftehmu li jiżżewwġu bi żwieġ kattoliku, jekk jiġu biex ifittxu nullita` għaż-żwieġ tagħhom u ma jaqblux jekk imorrux fit-Tribunal tal-Knisja jew fil-Qorti Ċivili, il-preċedenza jeħodha t-Tribunal tal-Knisja b’rispett għad-deċiżjoni li l-koppja tkun għamlet flimkien meta żżewwġu. Iżda jekk koppja jaqblu bejniethom li jmorru quddiem il-Qorti Ċivili, minkejja li ż-żwieġ tagħhom ikun sar bir-rit kattoliku, il-Qorti Ċivili tisma’ il-każ tagħhom. Veru li jekk xi ħadd minnhom waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri ċivili, ikun irid imur fit-Tribunal tal-Knisja, il-kawża ċivili titwaqqaf. Min-naħa l-oħra, tnejn li jiftehmu li jiżżewwġu bi żwieġ ċivili allovalja wara jikkonvalidaw dan iż-żwieg bir-rit kattoliku, jekk jiġu biex ifittxu n-nullita’ taż-żwieġ iridu bilforx imorru fil-Qorti Ċivili. Għal raġunijiet ta’ kuxjenza, il-parti li trid tgħix ta’ nisranija trid tmur ukoll fit-Tribunal tal-Knisja.
Dan il-Ftehim kien intenzjonat biex koppja li żżewwġu bi żwieġ reliġjuż rikonoxxut mill-Istat ma jkollhomx għalfejn jidħlu fi spejjeż u fi proċeduri doppji fit-Tribunal tal-Knisja u fil-Qorti Ċivili.
Li l-Knisja għandha xi qliegħ finanzjarju mill-kawzi tat-Tribunal ma jaqbel xejn mal-verita`. Il-Knisja tissussidja lit-Tribunal bi kważi nofs miljun euro fis-sena kif juru r-rapporti pastorali-finanzjarji li jkunu ppubblikati kull sena u li qegħdin fuq il-website tal-Arċidjoċesi.