L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħti l-istruzzjonijiet missjunarji. Qed jibgħat lit-Tnax, l-ewwel grupp u l-iżjed grupp viċin tiegħu, jibgħathom tnejn tnejn biex ikunu ta’ sapport għal xulxin u jagħtihom setgħa speċjali, setgħa fuq l-ispirti ħżiena.
Iwissihom imma biex ma jagħmlux l-iżball li jiddependu fuq l-affarijiet li għandhom magħhom. Il-Mulej se jieħu ħsiebhom. Allura għandhom bżonn il-ħatar għat-triq, l-għasluġ li jwennes is-saqajn għajjiena, ir-riġlejn li jegħjew imma mbagħad iridu jitgħallmu jilqgħu dak li jagħtuhom il-familji li jilqgħuhom għandhom. “Jekk tidħlu f’xi dar ibqgħu fiha sakemm titilqu minn hemm” (Mk 6:10). Imma javżahom ukoll li se jkun hemm ukoll min ma jilqagħhomx. Hu ma jgħidx li se jkun tort tagħkom li ma jilqgħukomx imma jgħidlhom: ‘isma għandhom ir-responsabbiltà tagħhom jgħidu ‘iva’ jew ‘le’(ara Mk 6:11); kulħadd imbagħad jieħu l-konsegwenza tal-għażla libera tiegħu.
Hemm dettall ċkejken li ħafna drabi qisu ngħaddu minn fuqu mingħajr ma naħsbu ħafna. “Ixandru lin-nies li jindmu”, li jibdlu l-mentalità – xi ħaġa mhix faċli anke għalina – imma mbagħad il-qawwa li tahom Ġesù jħaddmuha: “ikeċċi bosta xjaten”. U hemm dan id-detall: “jidilku ħafna morda biż-żejt u jfejquhom” (Mk 6:12-13). Dan hu b’xi mod diġà introduzzjoni għas-sagrament li għandna tad-dilka tal-morda. Peress li Ġesù għadu magħhom m’hemmx għalfejn tas-sagramenti imma mal-irxoxt ta’ Ġesù, il-Knisja ħaddmet is-setgħa tal-Mulej u laqqgħatna mal-Mulej permezz ta’ dawn is-seba’ sinjali.
Importanti li, meta l-qraba tagħna jidħlu l-isptar, nitolbu lill-awtoritajiet tal-isptar li jekk ikun hemm bżonn jingħatawlhom il-griżma tal-morda (id-dilka tal-morda) u t-tqarbin
Wieħed minnhom hi d-dilka tal-morda. Mhix bilfors id-dilka ta’ min qed imut. Aħna l-Maltin għandna din l-espressjoni: ‘qiegħed bil-griżma’, jiġifieri wasal fl-aħħar. Imma hi d-dilka tal-morda mhux tal-moribondi. Importanti li nagħtuha wkoll lil min wasal għall-aħħar vjaġġ għax id-dilka tal-morda, li jagħmilha biss is-saċerdot, taħfer id-dnubiet. Ikollok pazjent ma jistax iqerr, id-dilka tal-morda taħfirlu dnubietu kollha.
Allura kemm hu importanti li, meta l-qraba tagħna jidħlu l-isptar, nitolbu lill-awtoritajiet tal-isptar li jekk ikun hemm bżonn jingħatawlhom il-griżma tal-morda (id-dilka tal-morda) u t-tqarbin. Għax illum ġustament wieħed irid jitlobhom dawn is-servizzi, ma jingħatawx lil kulħadd, għax mhux kulħadd Kattoliku. Imma irridu nidraw meta nidħlu fl-isptarijiet u nagħmluha ċara anke f’isem il-maħbubin tagħna, li nixtiequ u li huma jixtiequ wkoll bil-libertà kollha, ikollhom dawn is-servizzi. U dawn is-servizzi jingħataw lil min jitlobhom.
Hi ħaġa sabiħa li l-morda tagħna nqawwuhom bid-dilka tal-morda u anke lil min ikun qiegħed lejn il-vjaġġ aħħari jkollu dan is-sostenn, dan il-wens, għax jista’ jkun li d-dilka ma tfejjaqx fiżikament imma magħha ġġib ħafna u ħafna barka u fejqan spiritwali.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slaten 2:1-4,10-12
Salm: 1 Kron 29:10,11ab,11d-12a,12bċd
L-Evanġelju: Mk 6:7-13