Tliet delegati mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija (SfCE) ipparteċipaw fi proġett tal-Erasmus+KA220 bl-isem ta’ INDI (INklużjoni u DIversità) sabiex tiġi esplorata d-diversità fi skejjel diversi.
F’dan il-proġett ħadu sehem entitajiet mill-Iżvezja, il-Belġju, Slovenja, Ċipru u Malta (SfCE u l-Kulleġġ San Albert il-Kbir – Kindergarten). L-imsieħba kollha għandhom viżjoni komuni: li jiżviluppaw edukazzjoni tal-ogħla kwalità fis-snin bikrin u jiġu indirizzati l-isfidi tal-inklużjoni ta’ tfal bi bżonnijiet differenti fit-tagħlim u li ġejjin minn kulturi differenti.
L-għan tal-proġett INDI hu li jiġu identifikati, ittestjati u implimentati metodi u prattiċi innovattivi fil-kuntest tad-diversità soċjo-ekonomika u kulturali, li jiġu mtejba stateġiji għal iktar parteċipazzjoni tal-ġenituri u biex titjieb l-inklużjoni bejn il-partijiet interessati, jiġifieri t-tfal, il-professjonisti, il-familji u l-komunitajiet fi ħdan is-soċjetà.
Iż-żjara fl-Iżvezja kienet it-tielet skambju minn ħamsa, b’kull skambju joffri attivitajiet ta’ tagħlim u taħriġ. Bħala parti minn dan il-proġett, l-SfCE lesta ktieb diġitali bl-isem ‘It’s OK to be me!’ bil-għan li jqajjem għarfien dwar id-diversità fost it-tfal iż-żgħar. Il-ktieb jiċċelebra l-fatt li kull persuna hija unika u differenti minn ħaddieħor.
Il-Muniċipalità ta’ Upplands Bro fi Stokkolma ospitat iż-żjara u saru erba’ żjarat f’diversi kindergartens fejn il-kurrikulu huwa mibni fuq tliet prinċipji ewlenin: il-logħob, it-tagħlim u l-kura. Dawn jikkonċentraw fuq tagħlim ibbażat fuq proġetti skont il-metodu ta’ Reggio Emilia.
F’dan it-tip ta’ pedagoġija t-tfal huma meqjusa bħala individwi b’potenzjal qawwi biex jiżviluppaw, li għandhom drittijiet, li jitgħallmu permezz tal-mijiet ta’ lingwi li għandu l-bniedem u li jikbru f’relazzjoni ma’ ħaddieħor. Dawn l-iskejjel jimxu wkoll fuq il-prinċipju li dak li jista’ jsir ġewwa jista’ jsir ukoll barra. Għalhekk, il-foresti maġenb l-iskejjel, il-btieħi u l-ġonna tal-iskejjel, jintużaw kuljum bħala klassi fejn it-tfal jitħalltu flimkien fin-natura. L-għajnuniet viżwali li jinsabu ġewwa u barra l-iskola huma kkunsidrati bħala lingwa universali li permezz tagħha jikkomunikaw mat-tfal kollha li ġejjin minn kulturi differenti u li għandhom ħiliet diversi. Fuq kollox, dawn l-għajnuniet viżwali jesponu lit-tfal għal kunċetti tal-lingwa mitkellma u viżwali, kif ukoll il-lingwa tas-sinjali.
Żjara oħra saret fl-iskola ta’ Härnevi. Din hi skola li taħseb għall-istudenti li jkunu għadhom kemm emigraw lejn l-Iżvezja. L-istudenti huma miġbura fi gruppi skont il-ħiliet lingwistiċi tagħhom u mhux skont l-età, u fejn qed jiġu mgħallma l-lingwa nattiva tagħhom kif ukoll l-Iżvediż u l-Ingliż.
Kunċett ġdid hu dak tal-kindergartens miftuħa, fejn tfal li ma jattendux il-kindergarten jistgħu jmorru u jsirulhom attivitajiet edukattivi fi gruppi flimkien mal-ġenituri. Il-programm tal-ġurnata hu mfassal skont il-bżonnijiet ta’ dawk li jkunu qed jattendu dakinhar u jinvolvi kant, krafts u logħob. Il-ġenituri jiġu mgħallma ħiliet meħtieġa, immaniġġjar tal-imġiba u kif jirrelataw ma’ wliedhom. It-tfal jiġu esposti għal attivitajiet maħsuba biex jiżviluppaw il-lingwa bħar-rakkont tal-istejjer u l-għarfien fonoloġiku. Dawn il-kindergartensmiftuħa jaħdmu flimkien mas-servizzi tas-saħħa tat-tfal, mal-qwiebel, kif ukoll mas-servizzi soċjali. Din iż-żjara għenet sabiex is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jara l-inklużjoni u d-diversità fil-prattika u jirrifletti u jtejjeb il-prattiċi lokali fl-edukazzjoni, l-inklużjoni u d-diversità.