Fit-30 ta’ Novembru, 2009, għalaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni dwar id-Dokument ta’ l-Arċidjoċesi dwar il-Festi. Wara, ġew analizzati l-kummenti kollha li daħlu permezz tal-emails, ta’ l-ittri, tal-kitba fil-ġurnali kif ukoll dak li ntqal fuq il-mezzi l-oħra tax-xandir.
B’kollox daħlu 563 kontribuzzjoni differenti bil-miktub (naturalment xi kontribuzzjonijiet kellhom aktar minn punt wieħed) li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu jgħidu li jaqblu jew ma jaqblux ma’ xi parti tad-Dokument. Saru wkoll numru ta’ suġġerimenti prattiċi dwar paragrafi partikolari tad-Dokument. Dawn il-kontribuzzjonijiet [ew minn Kappillani u Kunsilli Pastorali Parrokkjali, Fratellanzi, Kazini tal-Baned, Għaqdiet oħra parrokkjali kif ukoll minn individwi. Daħlu wkoll il-kummenti mill-Għaqda tal-Kazini tal-Baned, mill-Għaqda Piroteknika, mill-Għaqda Nazzjonali tal-Armar, mill-Għaqda tal-Kampanari u mill-Kummissjoni Ambjent ta’ l-Arċidjoċesi.
F’Diċembru 2009, l-Arċidjoċesi ikkummissjonat survey xjentifiku li tmexxa mill-Prof. Mario Vassallo dwar il-festi u kif in-nies iħarsu lejn il-festi. Dan sar ukoll b’paragun ma’ kif l-istess persuni għandhom relazzjoni ma’ Alla u mal-Knisja fil-kumplament ta’ ħajjithom. Il-Prof. Vassallo ta r-rapport tiegħu fil-bidu ta’ Frar u dan qed ikun analizzat. Hemm il-ħsieb li aktar tard, dan it-tagħrif ikun ippubblikat.
Bdew ukoll laqghat mal-Għaqdiet Nazzjonali imsemmija dwar il-korrispondenza li bagħtu. Iridu jsiru wkoll laqgħat ma’ l-Awtoritajiet Ċivili.
F’dan il-proċess kollu, il-mira ta’ l-Arċidjoċesi hija li nippruvaw noħolqu consensus.
Sakemm ikun approvat u ppubblikat id-dokument il-ġdid, għal din is-sena jibqgħu effettivi n-normi li kienu jeżistu sallum.