Id‑Down Syndrome Association hija r‑rebbieħa tal‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2023. Dan ħabbru Fr Martin Micallef, id-Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert vokali u strumentali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta b’risq id‑Dar tal‑Providenza. L‑E.T. il‑President ta’ Malta, George Vella, fil‑preżenza tal‑E.T. Mons. Joseph Galea‑Curmi, l-Isqof Awżiljarju, ippreżenta l‑premju lir‑rappreżentanti tad‑Down Syndrome Association. Il‑kunċert sar fil‑Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl‑Imdina bil‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta taħt it‑tmexxija tad‑Direttur Mużikali tagħha, il‑Kaptan Jonathan Borg u bi preżentazzjoni ta’ Christine Delicata.
L‑Assoċjazzjoni Down Syndrome f’Malta twaqqfet fl‑1981 fejn dak iż‑żmien ġiet stabbilità u mmexxija minn ġenituri ta’ persuni li għandhom id‑Down Syndrome. L‑Assoċjazzjoni hija reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja b’hekk tiddependi għal kollox fuq ħidma volontarja u donazzjonijiet li jiġu mill‑ġenerożità tal‑membri tagħha u tal‑pubbliku ġenerali biex tkompli bil‑missjoni tagħha u jitħallsu l‑ispejjeż amministrattivi.
Wieħed mill‑għanijiet tal‑assoċjazzjoni huwa li tħeġġeġ lin‑nies li għandhom il‑kundizzjoni Down Syndrome biex jilħqu l‑potenzjal tagħhom fejn jgħixu indipendenti f’soċjetà li tagħraf il‑kapaċitajiet tagħhom. L‑assoċjazzjoni tgħin ukoll lill‑ġenituri li jkunu għadhom kif kellhom tarbija bil‑kundizzjoni Down Syndrome billi tipprovdi pariri u appoġġ partikolarment fl‑istadji bikrija tal‑ħajja tat‑tarbija. Rwol ieħor huwa li l‑assoċċjazzjoni tirrapreżenta l‑interessi u l‑bżonnijiet tan‑nies li għandhom Down Syndrome fl‑aspetti kollha tal‑ħajja u l‑bżonnijiet tal‑individwi, bħala membri tal‑familja u tal‑komunità.
Il‑kunċert, li kellu attendenza sabiħa, sar il‑Ġimgħa, l‑1 ta’ Diċembru fl‑okkażjoni tal‑Jum Internazzjonali tal‑Persuni b’Diżabilità li jitfakkar fit‑3 ta’ Diċembru. F’diskors tal‑okkażjoni, Fr Martin Micallef tenna li l‑Ġnus Magħquda bdiet tiċċelebra dan il‑Jum bil‑għan li jkun okkażjoni annwali biex is‑soċjetà tingħaqad flimkien biex tappoġġja lill‑persuni b’diżabilità li jgħixu fil‑komunitajiet tagħna, toħloq għarfien dwar l‑importanza li noħolqu futur isbaħ fejn il‑persuni b’diżabilità jgawdu minn opportunitajiet indaqs u ma jaffaċċjaw l‑ebda ostaklu f’kull aspett ta’ ħajjithom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal‑ħajja tagħhom ta’ kuljum fil‑komunitajiet li jgħixu, kemm biex jidħlu fid‑dinja tax‑xogħol, kif ukoll biex jirrealizzaw l‑aspettativi u l‑aspirazzjonijiet tagħhom. Ma’ dan, il‑Papa Franġsiku iżid l‑importanza li f’dan il‑Jum nippromovu wkoll il‑kultura tal‑ħajja li kontinwament tafferma d‑dinjità ta’ kull persuna, b’mod speċjali bħala protezzjoni għal irġiel u nisa ta’ kull żmien u kundizzjonijiet soċjali.”
Fil‑kunċert indaqqu xogħlijiet ta’ Kettlebey, Yoder, Nelhybel, Appermont, Coleridge‑Taylor flimkien mal‑kompożituri Maltin Aurelio Belli, Daniel Vella u Antoine Marcieca. Is-solisti kienu Sgt Joseph Zammit fuq l‑Ewfonju, Bdr Joseph Grech fuq il‑qniepen u t‑tenur Bdr Georg Zammit.
Il‑Premju Mons. Mikel Azzopardi, li tnieda għall‑ewwel darba fl‑1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l‑kontribut ta’ persuni fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza fil‑ħidma tagħha.