L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Waħda mill-affarijiet sbieħ li jgħallimna l-Evanġelju hi li biex titkellem fuq Alla trid taħseb f’kelma waħda importanti u dik hi l-imħabba; mhux il-biża’, mhux il-kefrija, il-ġudizzju jew il-kundanna, imma l-imħabba.
Il-Mulej ma jitlobx minna la l-biża’, la l-ubbidjenza għamja, ma jitlobx minna s-sottomissjoni ta’ skjav, jitlob minna l-imħabba. U l-imħabba tagħna tkun risposta għall-imħabba li rċevejna: “Jekk tħobbuni ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15). U kif innutajtu l-Evanġelju tal-lum jibda b’din is-sejħa ta’ Ġesù u jiġi wkoll fit-tmiem tiegħu bl-istess parir, talba ħerqana tal-Mulej: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21).
U l-imħabba tiftaħ fil-qalb tagħna esperjenza kbira ta’ Alla. Ġesù stess jgħid li min iħobb, ikollu l-esperjenza li jagħraf min hu Alla: “Min iħobb lili jħobb ukoll lil Missieri u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14:21). Ħafna drabi aħna nilmentaw; imma dan Ġesù min hu? Kif nista’ nifhmu ’l Ġesù? Hu stess jgħidilna llum: ifhem xi tfisser tħobb u tibda tifhem lili.
Juża wkoll titlu ieħor għalih innifsu b’mod indirett ħafna: “Jiena nitlob lill-Missier u hu jagħtikom difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġw 14:16). Ma jgħidx difensur, avukat, xi ħadd li jagħtik il-pariri imma jgħid ‘difensur ieħor’. U dil-kelma tfisser li l-ewwel difensur tagħna huwa hu.
Fil-bidu ta’ din il-quddiesa fakkarna fil-kelma tiegħu fuq is-salib meta hu jsir l-avukat difensur ta’ min sallbu, jidħol bejna u bejn il-Missier etern u jgħidlu: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34), aħfrilhom. Dak huwa Ġesù, Ġesù li jafna, iħobbna, jagħdirna, jiddefendina.
L-ommijiet forsi jifhmu ħafna iżjed xi tfisser din. L-omm taqbeż dejjem għal uliedha. Meta tfittex xi avukat l-ewwel aħseb f’ommok għax dik l-aqwa avukat li għandek. Imma hi wkoll il-vuċi tal-ġid tiegħek. Aħna kellna x-xorti li ommijietna min jaf kemm-il darba qalulna: ‘Isma’ minni, ibni, isma’ minni binti, isma’ minni!’ U Ġesù din il-ħaġa jgħidha wkoll: “Jekk tħobbuni tħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15) għax il-kmandamenti ta’ Ġesù mhumiex jasar, sikkatura; fihom kultant xi ftit rażan u li tiċħad l-egoiżmu tiegħek biex tikber imma huma kelma ta’ mħabba.
U bħalma tgħidlek ommok ismagħni għax tħobbok, hekk qed jgħidilna Ġesù llum. Huwa l-avukat tagħna, huwa dak li jagħtina l-aqwa parir, il-counsellor tagħna. ll-kelma bil-Grieg ‘paracletos’, paraklitu li aħna kultant nittraduċuha difensur, dak li jfarraġ, dak li jagħti l-pariri, dak li jkun miegħek fl-inkwiet. Tidħol xi bawxata, ħadd ma jafek. Ara tirbaħ il-lotterija, kulħadd jibda jiġi minnek u jċempillek: ‘tinsinix, ta’. Imma nidħlu fl-inkwiet kulħadd jitbiegħed minna. Imma d-difensur jibqa’ miegħek. Tgħidli: ‘Imma dak għax inħallsu, ta’. Ġesù ma jitolbok l-ebda kont fil-bank għax bħalma hi ommok għalik, huwa hu għalik, se jkun miegħek dejjem.
U l-wegħda li għamlilna biex jippreparana għall-festa li ħmistax oħra se niċċelebraw tal-Għid il-Ħamsin, hu propju l-wegħda ta’ difensur ieħor. Il-Ħadd li ġej niċċelebraw it-tlugħ il-Mulej fis-sema, il-glorifikazzjoni tiegħu imma dawn huma mumenti kontinwi. Il-Mulej, hu u jigglorifika lil Ibnu, jagħtina wkoll difensur ieħor li jdawwal il-moħħ tagħna, li jistedinna biex nobdu l-kelma tiegħu bħala kelma ta’ mħabba, kelma ta’ ħabib.
Ġesù ma jitolbok l-ebda kont fil-bank għax bħalma hi ommok għalik, huwa hu għalik, se jkun miegħek dejjem.
U dan id-difensur li qed iwegħidna għandu isem: l-Ispirtu tal-verità. Kultant il-verità mhix komda bħalma meta tħares fil-mera, mhux dejjem jogħġbok kulma tara imma dik il-verità u tista’ tiġġieled mal-mera għax dil-mera ħażina. Imma aħna kultant mera ta’ xulxin ukoll. L-Ispirtu tal-verità, dak li ma jqarraqx bik, dak li ma jwegħidek il-frugħa, dak li jwissik bi mħabba l-Ispirtu tal-verità. “Intom tagħrfuh,” jgħidilna Ġesù, “għaliex jgħammar magħkom u huwa fikom” (Ġw14:17). Dan li qed niċċelebraw ukoll illum, l-aħwa, il-fatt li l-Mulej jgħammar fina, huwa magħna, Għimmanu-El, jismu Għimmanu-El imma anke l-Ispirtu qaddis li jibagħtilna huwa magħna. Ejja Spirtu qaddis, imla l-qalb tal-fidili bid-dawl tiegħek.
Ejjew nitolbu wkoll illum għall-ommijiet kollha ħajjin u mejtin. Ippermettuli nagħti ftit pariri b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Lil ommok tinsiex tgħidilha ‘inħobbok’ għax jiġi mument meta ma jkollokx iżjed ċans. Issa l-mument. Lil ommok obdiha għax il-kelma tagħha hi kelma ta’ mħabba anke meta ma togħġbokx, ħa ngħiduha kif inhi, meta nkunu żgħar iżjed u iżjed. U t-tielet: meta tagħlaq żmienek ftakar f’ommok u missierek. Kulħadd jieħu pjaċir jirċievi xi kartolina f’għeluq sninu. Billi tibgħat thank you card lil ommok u ’l missierek, qalbek timtela bil-ferħ għax l-imħabba titlob l-imħabba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 8:5-8,14-17
Salm: 65 (66):1-3a,4-5,6-7a,16,20
Qari II: 1 Piet 3:15-18
L-Evanġelju: Ġw 14:15-21