Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” Dan hu l-kliem li Ġesù jgħid fl-Evanġelju skont San Mattew fil-Liturġija tal-lum, u jgħodd ħafna għalina.
Ma kienx ikun aħjar li kieku Ġesù qal: jekk xi ħadd irid jiġi warajja, jagħmel li jħoss, jimxi ma’ dak li jogħġbu, u jimxi warajja? Forsi għal mument kien jattira aktar nies, imma Ġesù ma jgħid xejn li bih ikun qed jidħaq bin-nies. Il-kliem tiegħu hu dejjem ċar. Dal-kliem li jgħid hu ċar ħafna għalina u għal ħajjitna.
X’ifisser li aħna ‘niċħdu’ lilna nfusna? Ifisser li bil-qawwa ta’ Alla stess, inkunu kapaċi ngħidu ‘le’ fejn hemm bżonn ngħidu ‘le’ lilna nfusna, biex ma nitmexxewx minn dak li nħossu u sempliċiment nagħmlu dak li jiġina f’rasna jew li nħossu fina. Dan hu importanti biex aħna stess ma nkunux vittmi u ma noħolqux vittmi. Biex insemmi eżempju tal-ħajja ta’ kuljum: Jekk int tħossok irrabjat jew irrabjata, li tiċħad lilek innifsek ifisser li tikkontrolla, li toqgħod attent biex ma titlifhiex, ma tibdiex tinsulta lil dak u lill-ieħor u tweġġa’ bi kliemek lil kulħadd. Din hi ċ-ċaħda; hi xi ħaġa mhux ta’ darba, imma xi ħaġa kontinwa li hemm bżonn li nagħmlu. Dan hu r-rażan meħtieġ biex nistgħu ngħixu tassew kif irid Alla.
Nindunaw kemm il-kliem ta’ Ġesù hu ta’ ġid għalina personali imma wkoll għas-soċjetà. Jekk aħna nimxu verament ma’ dak li jgħid Ġesù – jiġifieri fejn hemm bżonn, niċħdu lilna nfusna u nagħmlu sagrifiċċju għal valur li hu importanti – hemmhekk inkunu qed nagħmlu ġid lis-soċjetà. Ħa nsemmi esperjenza li qed ngħixu. Bħalissa għaddejjin minn dan iż-żmien ta’ pandemija, li għadna fih. Jekk aħna nimxu, kif għandna nimxu bir-reqqa, mal-miżuri għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tagħna u tal-oħrajn, anke fejn hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċju, nindunaw li dak huwa sagrifiċċju li qed jiswa ta’ ġid għas-soċjetà kollha. Jekk aħna niġu naqgħu u nqumu minn dawn il-miżuri, nagħmlu li nħossu, li jogħġobna, għax nixtiequ ngawdu jew għax ma jimpurtaniex – nindunaw li dak li nagħmlu mhux biss ta’ ħsara għalina imma ta’ ħsara għas-soċjetà kollha. Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li jgħinna biex ikollna soċjetà aħjar: li aħna jkollna spirtu ta’ rażan, lesti li nagħmlu fejn hemm bżonn sagrifiċċju, nagħmlu ċ-ċaħda tagħna nfusna għal valur li hu importanti bħalma hu, bħalissa u dejjem, il-valur tal-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn.
Ġesù jgħid ukoll li nerfgħu salibna. X’jiġifieri “terfa’ s-salib”? Jiġifieri tkun lest tbati għal dak li hu sewwa, għal dak li ġust. Kultant aħna ngħidu: dik il-persuna hi s-salib li rrid nerfa’. Veru, kultant il-paċenzja li rridu nieħdu b’xi ħadd tkun is-salib li rridu nerfgħu. Imma rridu nitolbu lill-Mulej jagħtina d-dawl biex nagħrfu x’jiġifieri terfa’ s-salib, biex ma jiġrix li nkunu qed inżommu ħajja sistema ta’ abbuż. Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, li terfa’ s-salib ma jfissirx li tibqa’ hemmhekk tissawwat, tissaporti l-abbuż. Li terfa’ s-salib ifisser li int tieħu l-passi neċessarji biex l-abbuż jispiċċa, li titkellem biex int toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż – dak ifisser li terfa’ s-salib. Iġġorr salibek meta b’determinazzjoni taħdem ħalli tegħleb sitwazzjoni ta’ abbuż.
Nitolbu lill-Mulej jagħtina hu d-dawl u l-għajnuna biex nagħrfu niċħdu lilna nfusna fejn hemm bżonn, nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji, u nerfgħu s-salib biex nistgħu nimxu warajh b’fedeltà sħiħa u b’imħabba kbira.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Dan l-artiklu kien ippubblikat l-ewwel darba f’The Sunday Times of Malta fit-30 ta’ Awwissu 2020