L-għan li tintrebaħ il-vjolenza li thedded il-bini ta’ dinja bbażata fuq il-ġustizzja u l-paċi, isejjaħ għal responsabbilta kbira mis-soċjeta sħiħa. B’din il-konvinzjoni, il-Papa Benedittu XVI indirizza għeluq il-81 Assemblea Ġenerali tal-Interpol li saret fl-aħħar jiem f’Ruma.
Il-Papa tkellem dwar it-tħassib tiegħu marbut mal-evoluzzjoni tal-vjolenza kriminali li llum il-ġurnata qed tipprovoka uġigħ kbir lill-familja umana. Qal li timmanifesta ruħha kontinwament fis-soċjeta b’theddida għas-soċjeta u sfida għas-supremazija tal-iStat. Żied li hu minħabba dan li l-Knisja u s-Santa Sede jinkoraġixxu lil dawk li jaħdmu biex jikkumbattu l-vjolenza u l-krimini.
F’din il-ġlieda, il-Kap tal-Kattoliċi appella għal analiżi kuraġġuża u luċida tal-mottivi fl-isfond ta’ dan kollu, mhux biss dawk politiċi. Dan flimkien mal-irfigħ ta’ responsabbilta minn kulħadd – ibda mill-familji u l-iskejjel, istituzzjonijiet reliġjużi, mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u finalment, kull ċittadin. Temm jgħid li “kulħadd għandu r-responsabbilta partikolari tiegħu fil-proċess ta’ bini ta’ futur ta’ ġustizzja u paċi”.