”
Il-vjaġġ li l-Papa Benedittu XVI se jagħmel fil-Ġermanja f’Settembru li ġej kienet uffiċjalment ikkonfermata mill-Arċisqof Robert Zollitsch, Arċisqof ta’ Freiburg fi Breisgau.
Fi stqarrija, l-Arċisqof innota li l-Papa se jivjaġġa lejn il-Ġermanja mit-22 sal-25 ta’ Settembru, liema vjaġġ se jkun ikkunsidrat bħala żjara Statali. Il-Papa rċievi stediniet kemm mill-President tal-Ġermanja, Christian Wulff, kif ukoll mill-konferenza episkopali tal-pajjiż. Benedittu XVI huwa skedat li jżur tliet ibliet – Berlin, Freiburg u Erhfurt, pero l-istqarrija tal-Arċidjoċesi innutat li l-ebda itinerarju uffiċjali għadu ma kien stabbilit.
L-Arċisqof Zollitsch irraporta wkoll li l-plenarja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ġermaniżi, skedata fil-bidu t’Ottubru f’Fulda, se tkun posposta għal data oħra, anki jekk dan irid ikun ikkonfermat.
Minbarra li se jkun qed iżur pajjiżu, il-Papa hu skedat li jagħmel tlett vjaġġi oħra internazzjonali fl-2011…se jmur il-Kroazja bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju; lejn Spanja bejn it-18 u l-21 ta’ Awwissu u lejn Benin bejn it-18 u l-20 ta’ Novembru. Fl-Italja stess se jagħmel erba’ jaġġi. Għandu jmur lejn Venezja bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju, lejn San Marino fid-19 ta’ Ġunju, lejn Ancona fil-11 ta’ Settembru u lejn Lamezia Terme fid-9 t’Ottubru 2011.