Wara r-rispons pożittiv f’Lulju li għadda, il-Knisja f’Malta qed tistieden lill-Kattoliċi kollha, biex jipparteċipaw f’waħda jew aktar minn serje ta’ konverżazzjonijiet spiritwali li se jsiru f’Awwissu.
Hekk kif qed ngħixu t-tema ta’ din is-sena ddedikata għal “Knisja li Toħroġ”, qed jiġu organizzati sensiela ta’ konversazzjonijiet spiritwali fi ħdan il-proċess sinodali għat-tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.
Waqt it-tnedija tat-tema fl-Assemblea Djoċesana f’Novembru 2023, il-parteċipanti identifikaw diversi suġġetti li jikkontribwixxu għall-missjoni tal-Knisja lokali li toħroġ sabiex nidħlu fl-ispirtu ta’ San Pawl Appostlu li xandar l-aħbar it-tajba fostna permezz tal-fejqan tal-morda u l-barka tal-“ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2) tal-Maltin.
It-temi li se jiġu diskussa huma t-taqbidiet personali, il-komunità Kattolika u l-isfidi l-ġodda għall-Knisja lokali. L-għan ta’ dawn il-konverżazzjonijiet huma sabiex flimkien bħala Knisja naraw x’qed jitlob minna l-Ispirtu bħala azzjonijiet konkreti ta’ kif nistgħu, bħala Knisja f’Malta, noħorġu fi spirtu ta’ fejqan f’dan “l-isptar fuq il-kamp tal-battalja” bħalma jgħid il-Papa Franġisku.
Min jixtieq jattendi jista’ jirreġistra hawn: https://vjagg.knisja.mt/konverzazzjonijiet-spiritwali-knisja-li-tohrog/