L-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali temm sena akkademika oħra b’quddiesa ta’ radd il-ħajr ċelebrata mill-Isqof Joseph Galea Curmi f’Ġunju li għadda. Matul is-sena li għaddiet saru 28 kors li għalih attendew 1,052 parteċipant. Wara l-quddiesa sar riċeviment li fih tnieda l-prospectus għas-sena akkademika 2024/2025 bit-tema ‘Nitħarrġu għall-Missjoni’. Fost il-korsijiet ġodda li se jingħataw dis-sena hemm: ‘Introduzzjoni għal AI f’kuntesti pastorali: Għodda u Prattiki’, ‘Introduzzjoni għall-Iskrittura Mqaddsa’ u ‘Living beyond Sunday’.
Il-missjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali hi li trawwem Insara biex jaqdu l-missjoni tagħhom fid-dinja u fil-knisja. Il-korsijiet huma mfassla b’tali mod li jgħinu lill-persuni jwettqu l-missjoni li Alla sejħilhom għaliha.
L-Istitut joffri firxa ta’ korsijiet f’suġġetti differenti u b’modijiet varji ta’ tagħlim: fil-klassi fiżikament jew permezz ta’ Zoom, jew kompletament online, li jistgħu jsiru bil-pass tiegħek. Ħafna mill-korsijiet huma qosra, u jiffukaw fuq li jagħtu l-ħiliet neċessarji lill-istudenti.
Tista’ tara l-prospectus għas-sena akkademika 2024/2025 hawn: https://pfi.edu.mt/prospectus-24-25/. Għal iktar tagħrif ibgħat fuq [email protected] jew ċempel fuq 25906514/6, 79201358.
Prospectus 2024/2025