Iktar minn 800 parteċipant ħadu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-ġirja Caritas Run for Life, li saret il-Ħadd 22 ta’ Ottubru. Spikkat il-parteċipazzjoni ta’ iktar minn 60 persuna minn djar residenzjali ta’ rijabilitazzjoni li ħadu sehem u li għenu wkoll fl-organizzazzjoni tal-attività.

Fost dawk li pparteċipaw kien hemm numru sabiħ ta’ tfal li qed jitħarrġu fil-ġiri fi klabbs differenti.

Kien hemm tliet tipi ta’ tiġrijiet li bdew f’ħinijiet differenti. Fis-7:30am bdew it-tiġrijiet ta’ 5km u 10km. Siegħa wara bdiet il-mixja ta’ 2.5km u t-tiġrija ta’ 2.5km għat-tfal. Fid-8:40am imbagħad bdiet l-aħħar tiġrija ta’ kilometru għat-tfal.

Huwa u jindirizza lill-parteċipanti, d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt irringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’din l-inizjattiva li telqet miċ-Ċentru Terapewtika ta’ San Blas. Permezz ta’ dan iċ-ċentru, eluf ta’ persuni lireġgħu kisbu ħajjithom lura.

“Ejja nwasslu messaġġ lil kulħadd fis-soċjetà tagħna li nistgħu ngħixu l-ħajja b’mod san, b’mod feliċi, b’ħajja mimlija u mingħajr is-sustanzi”, appella Anthony Gatt.

Fi tmiem it-tellieqa, ingħataw il-premjijiet lill-parteċipanti li spiċċaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post fil-kategoriji rispettivi.

Sors: Newsbook Malta