Il-paġna Twitter tal-Papa Benedittu XVI, @Pontifex, fl-aħħar ġimgħatejn minn mindu nfetħet, attirat segwitu ta’ iktar minn żewġ miljun persuna.L-ewwel twijts tal-Papa ntbagħtu fi tmien lingwi differenti wara l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa.
F’intervista ma’ Radju Vatikan, l-Arċisqof Claudio Maria Celli, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjonijiet Soċjali, qal li l-Papa xtaq u ried li jkun preżenti fl-iktar mezzi moderni ta’ komunikazzjoni, u dan biex jista’ jaqsam kliem ta’ verita.
Minkejja l-limitu ta’ 140 ittra għal kull twijt, l-Arċisqof Celli irrepeta l-messaġġ li għadda fil-konferenza tal-aħbarijiet meta tħabbret il-paġna tal-Papa fuq Twitter, waqt li enfasizza li “mhux in-numru ta’ ittri fit-twijt, imma l-profondita tal-kliem użat li jgħodd”.
L-Arċisqof saħaq ma’ Radju Vatikan li dejjem hemm lok li wieħed jitgħallem mil-ġdid kif jikkomunika bl-użu tal-kliem li għandu sinifikat partikolari għall-oħrajn. L-Arċisqof Celli innota wkoll li fuq Twitter huma attivi aktar minn 140 miljun persuna, 40% minnhom bejn l-etajiet ta’ 18 u 34 sena, li magħhom ilkoll il-Papa jkollu l-opportunita li jiddjaloga.
“Il-Papa u l-Knisja iridu jkunu fejn hemm in-nies jitkellmu flimkien, għax mhux biss ikunu qed jiskambjaw id-diskors, imma anki l-esperjenzi tagħhom infushom”.