Fl-Afrika 4.5 miljun tifel u tifla taħt l-eta ta’ 5 snin, kif ukoll mal-265,000 omm, imutu ta’ kull sena. Ħafna minn dawn l-imwiet huma relatati mat-tqala u t-twelid u huma mwiet li jistgħu jkunu evitati bl-assigurazzjoni ta’ kura bażika tas-saħħa.  Skont rapport tal-organizzazzjoni non-governattiva SAVE THE CHILDREN, dwar l-istat tal-ommijiet fid-dinja, 48 miljun mara kull sena jagħtu twelid mingħajr assistenza professjonali u mingħajr ma jkunu sarulhom ebda laqgħat ta’ konsulta waqt it-tqala tagħhom. Żewġ miljun mara jagħtu twelid waħedhom. L-ogħla persentaġġ ta’ dawn hi reġistrata fin-Niġerja, fejn mara minn kull ħamsa jwelldu waħedhom. Iċ-ċifri dwar il-fenomenu  traġiku ta’ ommijiet li jmutu huma allarmanti. Fl-Italja, ma’ kull 100,000 tarbija li titwieled, 12-il omm imutu minħabba kawżi varji. Fin-nofsinhar tas-Sudan imutu mal-2,054, f’Sierra Leone jmutu 2100, fin-Niġerja 1,800 u f’Chad imutu 1,500.

Fid-dinja, kull sena jmutu mat-358,000 mara bħala riżultat ta’ tqala jew problemi waqt it-twelid u madwar 800,000 tifel u tifla jmutu mat-twelid, għal raġunijiet diversi. Intqal li jridu jiżdiedu wkoll dawk it-tfal li jmutu fl-ewwel xahar, li jlaħħqu mat-3 miljuni. L-NGO għamlet ukoll referenza għaċ-ċifri tal-2005 tal-UNICEF.

Ħareġ li l-iktar għaxar pajjiżi bl-agħar kundizzjonijiet tal-ommijiet u tfal huma l-Afghanistan, n-Niġerja, Guinea Bissau, Yemen, Chad, r-Repubblika Domenikana tal-Kongo, l-Eritrea, Mali, s-Sudan, u r-Repubblika Afrikana Ċentrali. L-għaxar pajjiżi stmati bl-aħjar kundizzjonijiet huma n-Norveġja, l-Awstralja, l-Islanda, l-Isvezja, Danimarka, New Zealand, il-Fillandja, il-Belġju, l-Olanda u Franza.