Pope Karol Wojtyla

SIT INTERNET ĠDID BI TĦEJJIJA

Bi tħejjija għall-beatifikazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II fl-1 ta’ Mejju li ġej, id-Djoċesi ta’ Ruma nediet sit internet ġdid iddedikat għal din l-attivita. Ioannes Paulus P.P. II, hu s-sit b’informazzjoni dwar il-beatifikazzjoni ta’ Papa Wojtyla, offruta bl-Ingliż, bl-Ispanjol, Franċiż, Pollakk, bit-Taljan u bir-Rumen.

Is-sit jippreżenta informazzjoni dwar il-ħajja ta’ Karol Wojtyla, il-ħsibijiet tiegħu u d-devozzjoni lejn Marija Omm Alla, kif ukoll dwar il-proċess sħiħ tal-kawża ta’ kanonizzazzjoni. Is-sit joffri wkoll dokumentazzjoni dwar l-inizjattivi madwar id-dinja kollha marbuta ma’ din il-beatifikazzjoni u jippromwovi wkoll talb ta’ interċessjoni u radd il-ħajr. Aktar minn hekk, is-sit jagħti aċċess għat-Totus Tuus, li huwa r-rivista ta’ kull xahar ddedikata għal din il-kawża ta’ qdusija.

L-AKKOMODAZZJONI F’RUMA MIBJUGĦA KOLLHA

Hekk kif il-Vatikan ħabbar id-data tal-ewwel ta’ Mejju bħala l-ġurnata li fiha l-Papa Ġwanni Pawlu II se jkun ibbeatifikat, miljuni ta’ pellegrini qegħdin isibuha diffiċli li jsibu akkomodazzjoni f’Ruma sabiex ikunu jistgħu jattendu għal din iċ-ċerimonja mistennija.

Karol Wojtyla li serva bħala Kap tal-Knisja Kattolika għal iktar minn 26 sena jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn għall-kariżma tiegħu u l-mod kif ikkomunika mal-popli minn madwar id-dinja kollha, fejn matul il-pontifikat tiegħu wettaq ‘il fuq minn mitejn vjaġġ. Uħud mill-vjaġġi li għamel kienu jinkludu iktar minn pajjiż wieħed fosthom fl-2001 meta fi vjaġġ wieħed kien mexa fuq ir-rotta ta’ San Pawl u mill-Greċja kien żar is-Syria u Malta. Il-beatifikazzjoni ta’ Wojtyla ddur madwar miraklu mwettaq ma’ Marie-Pierre Simon, soru Franċiża li rnexxiela tfieq mill-marda tal-Parkinson’s.

Id-domanda qawwija ta’ miljuni ta’ pellegrini minn madwar id-dinja għal Jum il-Beatifakazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II tkompli tikkonferma kemm dan il-Papa “Kbir”, kif imlaqqam mill-Papa attwali Benedittu XVI, jibqa’ maħbub fost l-insara li għexu tul il-pontifikat tiegħu.