Mijiet ta’ nies taw xhieda għal dak li sejħu l-mod kif il-Papa Ġwanni Pawlu II bidlilhom ħajjithom u l-mof kif jgħixu. Irġiel u nisa ta’ nazzjonalita differenti u t’etajiet differenti bagħtu fuq www.karol-wojtyla.org – sit internet immexxi mid-djoċesi ta’ Ruma ddedikat għall-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II.
Ilbieraħ, fuq is-sit internet li hu multin-lingwi, kienu ppubblikati iżjed minn 400 xhieda minn nies li ħassew li Ġwanni Pawlu II interċeda għalihom biex reġgħu sabu posthom fil-Knisja.
Intant, bdiet ukoll il-wirja dwar il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Pjazza San Pietru fil-Vatikan, b’unur għall-ħajja u l-ministeru ta’ Papa Wojtyla. Għall-ewwel darba f’beatifikazzjoni, il-wirja hi msebbħa b’ritratt kbir tal-Papa mal-istaff pastorali tiegħu u ritratt minn kull sena tal-pontifikat tiegħu. Il-wirja twassal lil min ikun qed jaraha lejn il-bażilika fejn in-nies jistgħu jagħtu qima quddiem il-qabar fejn hu midfun Ġwanni Pawlu II.
L-attivitajiet li konna ħabbarna aktar kmieni fuq das-sit internet…
L-ewwel: il-vġili f’Circus Maximus fit-30 t’April, preseduta mill-Kardinal Agostino Valli organizzata mid-Djoċesi ta’ Ruma. Il-Papa se jkun qed jieħu sehem b’video conferencing.
It-tieni: il-quddiesa tal-beatifikazzjoni fi Pjazza San Pietru fl-1 ta’ Mejju fl-10am, preseduta mill-Papa nnifsu. Wara fil-Bażilika ta’ San Pietru tibqa’ tingħata l-qima lill-fdalijiet ta’ Ġwanni Pawlu II sakemm kull min ikun hemm ilesti.
It-tielet: Quddiesa ta’ radd il-ħajr fit-2 ta’ Mejju, li se tkun iċċelebrata mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone.
L-organizzaturi kienu nsistew li l-ebda attivita mhu se tkun b’biljett.