L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’Ħadd il-Għid, il-Mulej Rxoxt juri lilu nnifsu lil Marija Maddalena li tmur tavża lill-ħdax u d-dixxipli: “il-Mulej qam tassew”. Tnejn minnhom jitilqu minn Ġerusalemm. L-aħbar li semgħu ħawdithom u ma ġabitilhomx paċi f’qalbhom. Jerħulha għal għonq it-triq lejn villaġġ jismu Għemmaws; il-Mulej ma jabbandunahomx imma jissieħeb magħhom u huma ma setgħux jagħrfuh. Ġesù jibda jispjegalhom l-Kelma ta’ Alla u xħin jaslu qrib il-villaġġ jagħmel tabirruħu li se jkompli fit-triq u jgħidulu: “Ibqa magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm” (Lq 24:29). Jilqa’ l-istedina tagħhom, jidħol fejn kienu joqgħodu, jaqbad il-ħobż, irodd ħajr lil Alla u jaqsam il-ħobż. Fil-qsim tal-ħobż jagħrfuh, li kien Ġesù ta’ Nazaret. Hu jgħeb minn quddiem għajnejnhom imma ma jitlaqhomx, għax hu li hu s-Salvatur, Alla li jsalva, Yesuha, Ġesù, huwa wkoll Alla magħna, Għimmanu-El. Id-dixxipli ma jibqgħux fejn ikunu waslu u jerġgħu jmorru lejn Ġerusalemm.
Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, id-dixxipli ta’ Għemmaws jiltaqgħu mal-ħdax u jirrakuntawlhom “kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Il-frażu għażiża “l-qsim tal-ħobż” hija l-isem l-iżjed antik għall-Ewkaristija li qedgħin niċċelebraw. Aħna nsejħulha quddiesa. ‘Quddiesa’ tfisser xi ħaga qaddisa u xi ħaga li tqaddes. L-Ewkaristija tfisser radd ta’ ħajr imma li nagħmlu huwa li naqsmu l-ħobż, dak li l-Mulej ikkmandana: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). U nimmaġina lil Pawlu ta’ Tarsu huwa u ġej fuq din l-gżira għax l-anġlu qallu jeħtieg li taħbtu ma’ gżira u “hu qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol” (Atti 27:35). Hawn kien qed jgħix din l-esperjenza tal-qsim tal-ħobż, esperjenza li hu għallem lil għażiż Publiju tagħna. “Intom xhud ta’ dan” (Lq 24:48).
Aħna f’demmna għandna din l-esperjenza li mill-bidu nett konna msejħin biex niltaqgħu ma’ Ġesù peremezz tal-appostli tiegħu u aħna lqajnieh permezz tal-protos tagħna. Publiju jirrappreżentana, huwa u jilqa’ lil Mulej Ġesù li xandarlu Pawlu. Il-Mulej tana protos ta’ qalb kbira. Publiju ma kienx jaf min hu Pawlu u min hu Ġesù imma l-istint tiegħu kien istint ta’ bniedem ġust, li l-ħobża tiegħu jaqsamha mal-proxxmu. Trid tkun altru persuna u bniedem ta’ qalb kbira biex għal tlett ijiem sħaħ tilqa’ fl-oqsma tiegħek, x’aktarx fiż-żona ta’ Burmarrad, 276 ruħ. Mhux wieħed jew tnejn, imam 276 persuna. “Dan laqgħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem” (Atti 28:7).
Pawlu wrieh il-qawwa ta’ Ġesù, li kien diġa’ wera l-qawwa tiegħu fil-miraklu tal-ħelsien ta’ Pawlu mil-lifgħa, billi f’isem Ġesù fejjaqlu lil missieru mid-deni u d-diżenterija. Jerġa’ jagħtih lura lil missieru l-maħbub u jagħti xhieda tal-qawwa ta’ dan l-isem, ta’ din il-persuna ta’ Ġesù ta’ Nażaret; li għallimna nifhmu li “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, agħmiltuh miegħi” (Mt 25:40). Meta Publiju laqa’ tant nies għandu, hu kien qed jagħmel dil-ħaġa ma’ Ġesù, u lilna għallimna kif inġibu ruħna. Pawlu ma fejjaqx biss lil missier Publiju f’isem Ġesù imma bil-qawwa ta’ Ġesù fejjaq lil-morda kollha tal-gżira. Il-ġenerożità ta’ Publiju fetħet għalina l-bibien tal-fidi, tat-tama, u tal-imħabba.
Fir-rakkont tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tal-Għid, il-Mulej jagħtina l-viżjoni li nkunu xhieda tal-irxoxt tiegħu, xhieda li huwa ħaj magħna. Huwa jinsisti mad-dixxipli li mhuwiex fantażma, mhuwiex xi ħaġa li taraha fuq l-iskrin tat-televixin, imma huwa preżenza li tgħixha fil-komunità. Id-dixxipli ta’ Għemmaws għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Il-preżenza tiegħu tidher f’nofs il-ħdax. “Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw fantażma” (Lq 24:37). Ġesù jgħidilhom biex ma jibżgħux: “Araw idejja u riġlejja. Jiena hu!” (Lq 24:39). Jgħidilhom biex jagħtuh xi ħaġa tal-ikel għaliex il-laqgħa miegħu hija wkoll ikla qaddisa. Fil-lejl qabel ma bata, Ġesù “ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: ‘Dan hu ġismi’… ixorbu dan huwa demmi, agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19-20).
Jekk aħna rridu nkunu tassew xhieda ta’ dak li ħallewlna missirijietna, ta’ dak li tana Publiju fl-imħabba kbira tiegħu, irridu nkunu wkoll xhieda tal-qawwa tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija li mhix biss ritwal sagru, it-tifkira ta’ dak li għamel għalina l-Mulej, imma hija l-ħajja ta’ Ġesù fostna. Jekk jien ma nikbirx fl-imħabba għall-proxxmu, jien u nitrejjaq mill-Ewkaristija, għandi bżonn nitlob din il-grazzja: Mulej int u tgħajjixni bil-ġisem u d-demm imqaddes tiegħek għamel li qalbi ssir tixbah lil tiegħek.
Illum, aħna u nirringrazjaw għad-don ta’ Publiju, il-protos tagħna, nitlobuh li bl-interċessjoni tiegħu,i l-poplu tagħna jkompli jfiq. Fil-kuntest tal-pandemija, ma nistawx ma ndurux lejn Publiju għax l-imħabba tiegħu fuq gżiritna ġabet mewġa ta’ fejqan. Il-morda kollha tal-gżira fiequ, mhux biss missieru. Aħna llum nitolbu l-interċessjoni ta’ Publiju għall-fejqan tal-poplu tagħna, għal-ħarsien tal-poplu tagħna minn din il-pandemija. Ejjew ma nidħkux bina nfusna, kulħadd għejja, mil-kbir saż-żgħir. Issa hu l-mument forsi l-iżjed diffiċli, fejn hemm bżonn nagħmlu l-isforżi neċessarji biex nassiguraw is-saħħa ta’ xulxin. Huwa f’dan il-mument delikat ħafna li hemm bżonn inkomplu nikkoperaw u ngħożżu tassew għal xulxin. Imma din l-ħaġa li forsi tidher għalina wisq iebsa u sfida kbira, jirnexxilna nagħmluha bl-għajnuna tal-Mulej u bl-interċessjoni tal-qaddisin. Għeżież devoti tal-protos tagħna, għeżież membri ta’ din l-parroċċa għażiża tal-Furjana, illum nitolbu lil Publiju biex bl-interċessjoni tiegħu, il-poplu tagħna jkompli jfiq.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3:13-15,17-19
Salm: 4:2,4,7,9
Qari II: 1 Ġw 2:1-5a
Evanġelju: Lq 24:35-48