Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol (KPDX) f’din is-Sena ta’ Fidi mnedija mill-Papa Benedittu XVI tixtieq twassal ftit riflessjonjiet lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol b’rabta ma’ dokument li ħareġ il-Papa stess bl-isem ‘Porta Fidei’ li tfisser ‘Il-Bieb tal-Fidi’.
Meta nitkellmu fuq ir-realtà tax-xogħol ħafna drabi niddiskutu kull aspett tal-ħaddiem, imma ftit nitkellmu fuq il-fidi tiegħu. Il-Kummissjoni tara li din is-Sena ta’ Fidi hija okkażjoni biex il-ħaddiem jgħaqqad iżjed ix-xogħol tiegħu ma’ twemminu. Hi okkażjoni wkoll biex min iħaddem u min jirrappreżenta lill-ħaddiem jgħinu u jirrispetta aktar dan it-twemmin.
Il-Papa f’dan id-dokument jibda biex jgħid li l-bieb tal-fidi huwa dejjem miftuħ għalina biex ngħixu f’għaqda ma’ Alla. Dan il-bieb tal-fidi f’qalbna ma jingħalaqx fil-ħin tax-xogħol; f’dan il-ħin ukoll in-Nisrani jrid jgħix il-fidi tiegħu u jingħaqad ma’ Alla l-Ħallieq: l-Ewwel Ħaddiem.
Dan il-bieb tal-fidi hu miftuħ biex il-bniedem jidħol fil-vjaġġ tal-ħajja li jwassal għall-eternità. Il-post tax-xogħol huwa wieħed mill-imkejjen li jgħinna f’dan il-vjaġġ ta’ fidi. Matulu aħna nemmnu dejjem aktar f’Alla wieħed li hu Missierna; Alla tal-Knisja, Alla tad-dar tagħna u l-istess Alla li jkun magħna fil-post tax-xogħol. Huwa Mħabba dejjem preżenti.
Il-Papa Benedittu XVI jgħidilna li sa mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu tkellem fuq il-bżonn li nerġgħu niskopru din il-mixja (vjaġġ) ta’ fidi tagħna. Il-Ħaddiem Nisrani, fuq il-post tax-xogħol, din is-sena għandu wkoll l-opportunità biex il-post tax-xogħol tiegħu jibdlu minn deżert (bla Alla) u jiskoprih bħala tappa fil-mixja ta’ fidi.
Fid-dinja tax-xogħol aktar nagħtu importanza lil deċiżjonijiet li nieħdu li jkollhom konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi u ftit nagħtu importanza lill-konsegwenzi li qed ikollna fuq il-fidi tagħna. Dan qed iwassal għal kriżi ta’ fidi fil-post tax-xogħol. Din is-sena hija wkoll stedina għall-ħaddiema biex huma jagħrfu li x-xogħol qiegħed biex jgħinna nikbru fil-fidi. Hawn insemmu l-frażi li tana l-Beatu Ġwanni Pawlu II ‘Il-Vanġelu tax-Xogħol’ meta fl-1981 f’din l-Enċiklika jitkellem fuq xogħol il-bniedem u jsemmi d-dinjità tax-xogħol u l-valur ta’ fidwa.
Il-Vanġelu tax-xogħol jurina li t-tagħlim ta’ Kristu jolqot direttament il-ħajja tax-xogħol tagħna: ix-xogħol jgħin jew ifixkel il-ħajja tal-fidi tagħna, skont kif qed ngħixu l-ħajja tax-xogħol tagħna. Ġesù Kristu stess jgħidilna li ma għandniex nitħabtu għall-ikel li jgħaddi imma fuq kollox għall-ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem (Ġwanni 6.27). Permezz tax-xogħol, il-ħaddiem ħaqqu ħlasu biex imantni lilu nnifsu u lil dawk dipendenti minnu. Mhux dan biss, f’din is-sena nfittxu li bix-xogħol niskopru mill-ġdid il-mixja għal ħajja sħiħa (inkluż it-twemmin), għalhekk ix-xogħol għandna niskopruh bħala mezz ta’ qdusija.
Id-dixxipli staqsew lil Ġesù dwar x’għandhom jagħmlu biex ix-xogħol tagħhom ikun marbut ma’ dak li jrid Alla (Ġwanni 6.28) u t-tweġiba ta’ Ġesù kienet li jemmnu fih. Li nemmnu f’Ġesù jfisser li, anke fuq il-post tax-xogħol, inkunu qegħdin ngħaqqdu x-xogħol tagħna mal-pjan tas-salvazzjoni.
Fil-post tax-xogħol, waqt il-ħidma tiegħu, in-Nisrani ma jiflaħx, ma jistax, mhux kapaċi li jinsa t-twemmin tiegħu f’Ġesù Kristu.
Il-Papa Pawlu VI diġà kien fakkar is-Sena ta’ Fidi fl-1967. Kien qal li dan hu mument li l-Knisja terġa’ tistqarr il-professjoni awtentika u sinċiera tal-fidi tagħha, kemm b’mod individwali kif ukoll komunitarju, b’mod liberu u konxju, b’sinjali interni u esterni. Issib ħaddiema li fuq il-post tax-xogħol, kemm b’mod personali u anke b’mod kollettiv, bil-ħajja, bil-kelma u bil-ħidma tagħhom juru u jistqarru l-fidi Nisranija. Il-post tax-xogħol huwa art għammiela biex dak li jkun jista’ u għandu jistqarr dak li jemmen bl-imħabba kollha. Dan jagħmlu l-ewwel u qabel kollox mhux biex ikun ta’ xhieda għall-oħrajn imma għax ikun qed jgħix b’mod veru l-fidi tiegħu, u dan jgħinu fil-mixja ta’ fidi.
Il-ħaddiem Nisrani għandu d-dmir, li kisbu fil-magħmudija, li jkun xhud tal-fidi tiegħu. Huwa msejjaħ biex isemma’ u juri l-kelma tal-Verità li Ġesù Kristu ħallielna. In-Nisrani bħal stranġier f’art barranija, għax pajjiżna huwa s-sema, bl-għajnuna tal-konsolazzjonijiet t’Alla għandu jħares ’il quddiem akkost tal-persekuzzjonijiet. Din hi r-realtà ta’ ħafna ħaddiema li jgħixu t-twemmin tagħhom.
Il-post tax-xogħol tagħna għandu jfakkarna l-ewwel nett li l-ħidma tagħna hija li nuru d-dawl tal-kelma ta’ Alla. Il-ħaddiem Nisrani li kellu esperjenza ta’ ‘kemm tajjeb u ħelu: hu l-Mulej’, iħalli li din il-ħlewwa tal-Mulej tinfirex fil-post tax-xogħol permezz tal-ħajja ta’ fidi tiegħu. ‘Caritas Christi urget nos’: l-imħabba ta’ Kristu tħeġġiġna fil-postijiet tax-xogħol tagħna.
Il-Papa Benedittu XVI jgħidilna li din is-Sena ta’ Fidi hija mument fejn bil-fidi nwessgħu qalbna u hekk innisslu aktar frott ta’ mħabba. Il-post tax-xogħol huwa post fejn il-ħaddiem bħala Nisrani jgħix il-fidi tiegħu; iwessa’ qalbu kemm għal Alla, kemm għal sħabu ta’ fuq ix-xogħol u anke għall-istess ħidma li qed iwettaq. Kif jgħid Santu Wistin ‘il-fidi tagħna ssaħħaħna’, is-saħħa tal-ħaddiem tiġi mill-fidi fil- ‘Kbir Alla’ (Innu Malti).
Fuq il-post tax-xogħol niltaqgħu ma’ individwi li għalkemm ma’ għandhomx, jew tilfu, d-don tal-fidi, b’mod sinċier qegħdin ifittxu l-verità. Lil dawn, in-Nisrani jista’ jgħinhom u jfakkarhom li dak li qegħdin ifittxu diġà ħareġ ifittixhom u jixtieq jiltaqa’ magħhom.
Il-ħaddiem Nisrani matul din is-sena għandu jsib ħin biex jirrevedi l-fidi tiegħu. F’dan il-qasam ikunu ta’ għajnuna l-operaturi pastorali li jaħdmu fid-dinja tax-xogħol; huma mħeġġa biex isibu mezzi adatti għall-ħaddiema biex jgħinuhom jikbru fil-fidi tagħhom. Jekk wieħed jirrifletti ftit u jistaqsi x’inhu jfittex il-bniedem, jasal biex jisma’ li dak li jkun qiegħed jitlob: ‘Mulej kattar fina l-fidi’. (Luqa 17.5).
Kull Nisrani, inkluż il-ħaddiem, huwa mħeġġeġ, għall-ġid tiegħu nnifsu, li jiskopri mill-ġdid il-ġmiel tal-fidi Nisranija. Ta’ għajnuna speċjali għall-ħaddiem matul din is-sena huwa l-katekiżmu tal-Knisja fejn hawn insibu l-għana tat-tagħlim li l-Knisja rċeviet, ħarset u għallmet matul dawn l-elfejn sena ta’ storja. Dan it-tagħlim tal-Knisja għandu jasal ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna biex huma jkomplu f’din il-mixja ta’ Fidi li twassalhom għas-serħan ta’ dejjem.
Il-Kummissjoni tawgura li matul din is-sena aħna l-ħaddiema nagħmlu minn kollox biex insaħħu l-fidi tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan isir b’sempliċiment radd tas-salib qabel ma nibdew il-ħidma tagħna, u nitolbu l-barka ’l Alla fil-postijiet tax-xogħol tagħna. Imma l-fidi tagħna tmur aktar lil hinn – tgħinna biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħna, tgħinna napprezzaw aktar il-ħidma tal-ħaddiem, tgħinna nwettqu b’kuxjenza x-xogħol tagħna.