Monsinjur Charles J. Scicluna, iben Emanuel u Maria Carmela née Falzon, twieled f’Toronto, il-Kanada, fil-15 ta’ Mejju 1959. Il-familja Scicluna waslet Malta fl-1960 u għal diversi snin kienet toqgħod Ħal Qormi sakemm marret toqgħod Ħal Lija fl-1976. Mons. Scicluna irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja San Sebastjan, Ħal Qormi, fl-Iskola Teknika San Ġużepp, Raħal Gdid u fil-Kulleġġ Saint Edward’s, Cottonera. Daħal għal kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta fl-1976 u iggradwa avukat fl-1984. Wara l-formazzjoni meħtieġa fis-Seminarju Maġġuri u l-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali mill-Fakultà tat-Teoloġija, Tal-Virtù, ġie orndat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Joseph Mercieca, fil-11 ta’ Lulju 1986. Fl-istess sena Mons Scicluna ġie mibgħut jistudja id-Dritt Kanoniku ġewwa l-Pontificia Università Gregoriana, f’Ruma u kiseb id-Dottorat fid-Dritt Kanoniku bi speċjalizazzjoni fil-Gurisprudenza fl-1991. Wara l-istudji f’Ruma Mons Scicluna ħadem fuq it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta bhala Difensur taż-Żwieg u kien ukoll lecturer fit-Teoloġija Pastorali u fid-Dritt Kanoniku fl-Università ta’ Malta. Wettaq ħidma pastorali fil-parroċċi ta’ Ħ’Attard, San Girgor, Sliema, u fl-Iklin, Lija. Kien Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri bejn l-1994 u l-1995. Fl-1995 ġie msejjaħ biex jaħdem fil-Vatikan fuq it-Tribunal Suprem tas-Sinjatura Apostolika bħala Promotur tal-Ġustizzja Sostitut. Fl-1996 ġie nominat Postulatur fil-kawza tal-beatifikazzjoni u tal-kanonizzazjoni ta’ Dun Ġorġ Preca. F’Ottubru 2002 Mons Scicluna inħatar Promotur tal-Gustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat li jinvestiga u jkun prosekutur fuq il-każi l-iżjed gravi riżervati lill-Kongregazzjoni. Vjaġġa ħafna biex jagħti seminars dwar il-protezzjoni tal-minuri f’diversi komunitajiet lokali fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Awstralja. Mons. Scicluna huwa lecturer fil-proċedura penali fil-Pontificia Università Gregoriana u jgħin bhala kappillan tas-Sorijiet ta’ Santa Briġida (Piazza Farenese, Ruma) u bħala konfessur fil-Venerabbli Kulleġġ Ingliż.