-
-
Kemm ilu li l-Arċisqof afdali r-responsabiltà li nieħu ħsieb l-ħidmiet soċjali (Djakonija) li toffri l-Knisja f’Malta, inħoss li tgħallimt ħafna. Kont naf li hawn persuni fit-tbatija, dan ġarrabtu bħala saċerdot u kappillan meta qsamt man-nies il-ġrajjiet tagħhom. Imma qatt daqs illum, fejn kuljum, il-ħidma tiegħi tpoġġini propju qrib persuni li għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija: mard, ansjetà, inkwiet, vizzji ta’ kull xorta, faqar, firda mill-għeżież, nies bla saqaf u bla pajjiż, b’diżabilità, vjolenza fid-dar, tfal u żgħażagħ u anzjani mingħajr ħadd minn jappoġġjahom, koppji miżżewġa f’diffikultà, prostituzzjoni, priġunerija, u tbatijiet oħrajn.
Imma din it-tbatija kollha ġabet ukoll ħafna mħabba kemm fis-soċjetà u kemm fil-Knisja. Mit‑Tieni Gwerra Dinjija dinjija ’l hawn, il-gvernijiet f’Malta ħasbu biex jipprovdu servizzi soċjali li bihom jgħinu lil batut. U dawn baqgħu jitjiebu u jiżdiedu tul iż-żmien. Għall-ewwel din l-għajnuna kienet finanzjarja, però maż-żmien inħasset il-ħtieġa ta’ għajnuna professjonali. Parti sostanzjali mill-baġit ta’ kull sena jintefaq f’dawn is-servizzi soċjali, fejn l-Istat mhux biss jagħti s-servizzi hu direttament, imma jsostni b’riżorsi finanzjarji u umani lil NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam. Twaqqfu ukoll diversi aġenziji biex dan is-servizz jingħata b’mod professjonali.
Hawnhekk ta’ min isemmi l-ħidma kbira u d-dedikazzjoni li joffru persuni professjonisti u persuni oħra li x-xogħol tagħhom hu li jgħinu lil dawn il-persuni vulnerabbli. Ma’ dawn issib ukoll numru kbir ta’ voluntiera li joffru lilhom nfushom fil‑ħidma tal-qasam soċjali.
Imma l-Knisja ma baqgħetx lura. Anzi kienet hi, permezz tal-insara li jħaddnuha, li taw widen għall-kelma u l-eżempju ta’ Ġesù biex nagħtu kas u ngħinu konkretament lill-fqar u l-batuti fostna. Dan wassal biex , minn żmien imbiegħed, jittieħdu diversi inizjattivi ħalli tittaffa din t-tbatija. Filfatt kienu bosta l-persuni li matul iż-żmien sabu kenn u wens fit-tbatija tagħhom permezz ta’ membri tal-Knisja lokali. Inħolqu kongregazzjonijiet tar-reliġjużi u fratellanzi tal-lajċi biex joffru din l-għajnuna fejn l-iskop tat-twaqqif tagħhom kien propju l-għajnuna lill-fqar u l-batuti. Ma naqsux jinbnew istituti u djar li jilqgħu lit-tfal orfni, lill-anzjani waħedhom, lin-nisa msawwta u t-tfal tagħhom. Kienu wkoll bosta persuni li mill-ġid tagħhom ħasbu biex jibnu u jsostnu dawn l-istituti u djar ta’ akkoljenza. U bosta reliġjużi taw servizz imprezzabli fl-isptarijiet, il-ħabsijiet, saħansitra fiċ-ċimiterju biex jakkumpanjaw sal-aħħar lill‑persuni mnikkta.
U matul is-snin komplew jinbtu inizjattivi ġodda skont il-bżonnijiet ta’ persuni fit-tbatija bħalma kien il-każ ta’ ftuħ ta’ djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità, persuni li jaqgħu fil-vizzju tad-droga, u persuni immigranti li sabu ruħhom f’pajjiżna b’ta’ fuqhom senduqhom. U peress li kif qalilna Ġesù “l-fqar dejjem ser issibuhom magħkom”, dan l-aħħar infetħu djar li jilqgħu lil persuni bla saqaf u dawk li jaqgħu fil-prostituzzjoni. U l-Papa preżenti qed iħeġġiġna biex inkunu għajnejna miftuħa għal tipi ta’ faqar ġdid. Qed iħeġġiġna biex inkunu Knisja li tilqa’ fi ħdanha lil kull min isib ruħu fit-tbatija.
Ma naqset qatt l-għajnuna li ngħataw diversi persuni u familji li sabu ruħhom f’diffikultà, l-aktar ta’ faqar materjali. Għajnuna li ngħatat lilhom minn bosta isqfijiet, kappillani u saċerdoti, minn bosta parroċċi u għaqdiet tal-lajċi li twaqqfu apposta biex joffru din l-għajnuna. Għal dan il‑għan twaqqfu fondi ta’ flus. Anki l-Arċidjoċesi stess daħlet biex toffri xi servizzi soċjali, fosthom dawk li kienu ser jingħalqu minħabba n-nuqqas ta’ reliġjużi li jieħdu ħsiebhom, anke jekk dan swielha piż finanzjarju.
Din l-għajnuna għall‑batut ma waqfitx ma’ xtutna, imma nfirxet permezz tal-missjunarji tagħna f’pajjiżi mbiegħda li għandhom popli sħaħ ibatu l-ġuħ u l-faqar. Infirxet ukoll f’dawk il-pajjiżi li jsibu ruħhom f’xi traġedja naturali.
U llum din il-fibra ta’ għajnuna lill-batut għadha tinħass fid-diversi inizjattivi ta’ ġbir li jsiru regolarment u li għalihom il-poplu Malti, ispirat mit-twemmin tiegħu, qed joffri b’mod mill-aktar ġeneruż b’offerti li jgħaġġbuk.
Dan hu s-sabiħ tagħna: li t-tbatija bdilnieha f’atti ġenerużi ta’ mħabba. Veru li hawn u se jkun hawn ħafna persuni li jgħaddu mit-tbatija, imma veru wkoll li hawn u ser ikun hawn persuni oħra li jtaffu din it-tbatija bl-imħabba konkreta tagħhom.
Titlifx l-opportunità li għandek int ukoll, li tħares madwarek. Itlob lill-Mulej sabiex jgħinek ħalli ma tmurx tgħaddi minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, b’pass mgħaġġel, anzi “għinni Mulej nagħraf lil dawk li jkunu mħassbin u mħawdin billi noffri mill-ħajja tiegħi, mill-ħin tiegħi, mit-talenti tiegħi, mill-ġid tiegħi dak kollu li nista’, u għamilni nħoss tant għalihom li nasal biex inserrħilhom qalbhom.”
Illum, il-Ħadd 30 ta’ April hu JUM IL-KARITÀ fejn nistgħu nkomplu nwettqu dan, bl-offerti ġenerużi tagħna fil-quddies fil-knejjes tagħna u permezz tal-envelopes li ser insibu mar-revista FLIMKIEN.
Mons. Charles Cordina
Vigarju Episkopali għad-Djakonija