L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm qisu ritornell li jinstema’ l-ħin kollu llum fil-qari li smajna. L-Ewwel Qari, mill-Profeta Sofonija, jibda: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon…infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha” (Sof 3:14). Dan il-ħsieb ta’ ferħ hu kontinwu. San Pawl jgħid fl-Ittra tiegħu lill-Filippin: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil: 4:4). U s-Salm ukoll jitkellem fuq il-ferħ: “Aqbeż bil-ferħ, għanni” (Isaija 12:6).

Kif tista’ tifraħ?

Hi l-enfasi li nagħmlu f’dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent, fejn naħsbu aktar fuq il-ferħ li jġibilna Ġesù. X’inhu dan il-ferħ? Kultant ma nistgħux nifhmu kif il-Kelma ta’ Alla ssemmi b’enfasi l-ferħ meta nħarsu lejn dak li nkunu qed ngħixu, l-esperjenza ta’ ħajjitna, u nħossu din il-kelma tistona. Kif tista’ tifraħ meta tkun qed tbati? Kif tista’ tifraħ meta tara tant kuntrarju?

Imma dan jiġri meta nħawdu l-ferħ li jsemmi l-Mulej ma’ affarijiet fil-ħajja li jagħtuna pjaċir u bihom nieħdu gost. Hu sabiħ fil-ħajja li nieħdu pjaċir b’affarijiet tajbin. Imma l-ferħ li jsemmi l-Mulej mhux sempliċiment għax tieħu gost, jew għax l-affarijiet sejrin tajbin. Ma jiddependix fuq iċ-ċirkustanzi ta’ madwarna, fuq in-nies li hemm magħna. Il-ferħ li jagħtina Ġesù hu l-ferħ li jkollna f’qalbna għax nafu li aħna maħbuba minnu, li hu jridilna l-ġid u li jridna ngħixu fil-paċi tiegħu; hu l-ferħ li jkollna f’qalbna meta nagħmlu l-ġid.

Forsi tiġina l-mistoqsija meta naqraw l-Evanġelju llum u nqabbluh mal-bqija tal-qari: X’għandu x’jaqsam dak li jgħid Ġwanni l-Battista mal-ferħ? Hawnhekk hu jwieġeb għal dak li jistaqsuh in-nies “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10) – mistoqsija tassew fundamentali għall-ħajja. Jekk nirriflettu ftit, nindunaw li t-tweġibiet ta’ Ġwanni l-Battista huma fil-fatt ta’ għajnuna biex ikollna l-veru ferħ f’ħajjitna.

Onestà

Ġwanni l-Battista jgħid: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom” (Lq 3:14). Qed jgħid: aħna nkunu ferħanin mhux meta moħħna biex nieħdu kollox, anke dak li mhux tagħna. Għandna nirrispettaw dak li hu ta’ ħaddieħor u ma nisirqu lil ħadd “bit-theddid jew bil-qerq”, jiġifieri kemm fejn jidher minn barra kif ukoll minn taħt, fejn ma jidhirx.

Irridu noqogħdu attenti minn dak li hu serq – l-abbuż ta’ poter għall-gwadann personali, l-abbuż minn flus in-nies, arranġamenti li jsiru minn taħt biex naġevolaw lilna nfusna jew lil ħaddieħor. Dan hu serq. Dak li mhux tagħna ma jsirx tagħna għax neħduh.

Il-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista hu ċar: inkunu ferħanin mhux meta nieħdu dak li mhux tagħna, imma meta nimxu b’onestà sħiħa.

Ġustizzja

Jgħid ħaġa oħra Ġwanni l-Battista: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi aktar milli jmisskom tieħdu” (Lq 3:13). Qed jgħid li aħna nkunu ferħana meta naħdmu għal soċjetà fejn ikun hemm rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ kulħadd, fejn ikun hemm tassew ġustizzja; mhux meta ngħakksu lill-oħrajn b’inġustizzja.

Din hi importanti. Li nissikkaw lil xi ħadd biex ma jagħmilx inġustizzji hi tajba u meħtieġa, imma li nissikkaw lil xi ħadd b’mod li nagħmlu aħna inġustizzja, dik hi verament ħażina u qatt ma tista’ tħallina bil-paċi f’qalbna.

Imħabba

Ġwanni l-Battista jgħid: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq 3:11). Qed jgħid li aħna nkunu ferħanin mhux meta nkunu kuntenti nduru biss magħna nfusna – kuntenti aħna kuntent kulħadd – imma meta naħsbu fl-oħrajn. Li naqsmu dak li għandna ma’ ħaddieħor – dak iġib il-ferħ f’qalbna. Il-mument li naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn – dak iġib il-ferħ tassew.

Hija din esperjenza reali fil-ħajja tagħna. Ħa nsemmi għadd kbir ta’ żgħażagħ li jagħmlu volontarjat, ħidma ta’ għajnuna f’postijiet differenti kemm Malta kif ukoll barra minn Malta. Hi esperjenza ta’ ftit ġimgħat li tiswa tassew ta’ ġid għal ħajjithom. Tisma’ diversi jgħidu: “Jien mort biex nagħti, imma rċevejt ħafna aktar milli tajt. Għax jien mort biex ngħin, imma rċevejt il-ferħ f’qalbi li jiġi sewwasew meta naħseb fl-oħrajn”.

Għalhekk, flimkien ma’ li nimxu b’onestà u b’ġustizzja vera, li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, speċjalment ma’ dawk l-aktar fil-bżonn – hemm insibu l-ferħ veru li jagħtina l-Mulej.

Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u niċċelebraw dan il-Ħadd tal-Avvent li jenfasizza l-ferħ. Nitolbuh li nimxu fuq il-Kelma tiegħu ħalli jkollna tassew il-ferħ u l-paċi tiegħu f’qalbna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju