L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”. Dan il-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum jinstema’ stramb meta jgħidu proprju fl-aħħar ċena, ftit mumenti qabel ma se jgħaddi mill-passjoni kiefra u l-mewt tiegħu. Qisu mhux floku li titkellem fuq il-ferħ meta hu kien jaf minn xiex se jgħaddi.
Imma Ġesù ried dejjem jitkellem ċar mal-appostli. Filwaqt li jippreparahom għal dik l-esperjenza kiefra li kien se jgħaddi minnha, u allura huma tant iħossuha, jippreparahom ukoll għal wara. Għalhekk Ġesù jitkellem fuq it-tbatija li se jgħaddu minnha: intom għad tibku u tingħu, iġġarrbu n-niket, tħossu d-dwejjaq. Imma mbagħad jgħid: imma n-niket tagħkom għad jinbidel f’hena, id-dwejjaq f’ferħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. Meta qam mill-mewt u bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, setgħu tassew jifhmu u jgħidu: mela għalhekk tkellem fuq dan il-ferħ!
Jista’ jkun li kultant kliem fuq il-ferħ inħossuh jistona. Speċjalment meta ngħaddu minn mumenti ibsin fil-ħajja, mumenti ta’ dwejjaq jew ta’ diffikultajiet kbar, ta’ uġigħ, u tgħid: kif tista’ tifraħ? Kif tista’ tifraħ meta inti forsi tkun imdawwar ukoll b’nies li jdejquk, li jtellfulek il-paċi? Kif tista’ tifraħ?
Jiġrilna hekk għax kultant aħna nħawdu l-ferħ li jitkellem fuqu Ġesù – il-ferħ fil-qalb li jagħtina hu – ma’ esperjenzi fejn nieħdu pjaċir u nkunu kuntenti għax l-affarijiet jimxu sew, għax ma jkunx hemm intoppi, għax l-affarijiet imxew kif ippjanajna aħna u nħossuna kuntenti. Jalla jkollna ħafna fil-ħajja fejn inħossuna kuntenti għax l-affarijiet jimxu sew. Imma dan mhuwiex il-ferħ li jsemmi Ġesù. Imur lil hinn minn hekk. Mhux bilfors tħossok li tista’, kif smajna fis-Salm, tgħajjat, iddoqq, tkanta, taqbeż bil-ferħ. Kultant f’ċerti esperjenzi ma tħossokx hekk. Imma Ġesù jagħtina l-ferħ fil-qalb li jibqa’ u li, kif jgħid hu, ħadd ma jeħodhulna.
Din kienet l-esperjenza tal-Knisja fil-bidu li naqraw fuqha fl-Atti tal-Appostli. L-appostli u San Pawl ukoll fil-missjoni tagħhom kellhom ħafna kuntrarju. Lil San Pawl ilum rajnieh fl-Ewwel Qari meta jgħid li n-nies daru għalenija kontrieh u tellgħuh il-qorti. Il-Mulej kien qallu qabel: la tibżax għax jiena miegħek, la tiskotx imma ibqa’ tkellem. Kienet din l-esperjenza li l-Mulej miegħu li lil San Pawl tatu l-ferħ fil-qalb, minkejja l-ostakli kollha. San Pawl hu eżempju kbir ta’ kuntrarju li ssib hawn u ssib hemm, u n-nies ġieli kontrik din-naħa u n-naħa l-oħra. Imma f’qalbu kellu dan il-ferħ tal-Mulej, għax kien miegħu.
Din hi l-esperjenza li jagħti lilna lkoll il-Mulej – dan il-ferħ fil-qalb li ħadd ma jeħodhulna, għax jagħtihulna hu. Hekk naraw fil-ħajja tal-qaddisin bħal Santa Rita, li tant għaddiet minn diffikultajiet kbar fil-ħajja tagħha, imma kellha f’qalbha dak il-ferħ tal-Mulej li jimla l-qalb.
Nitolbu, għalhekk, lill-Mulej din il-grazzja li aħna nħossuna tassew maħbuba minnu, salvati minnu, bil-preżenza tiegħu f’qalbna – hu li jakkumpanjana fil-ħajja tagħna – u li għalhekk jagħtina l-ferħ li ħadd ma jeħodhulna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju