Is-Soċjeta’ tieħu l-opportunita’ ta’ din il-festa biex twassal l-ispiritwalita’ ta’ San Ġorġ Preca u tippromwovi l-kariżma tiegħu. F’ħajtu kien umli u hekk ried jibqa’, sal-punt li jintesa. Għalhekk li s-Soċjeta’ tiffoka fuq fuq it-tagħlim ul-kitbiet tiegħu, li huma għajn ta’ ġid għalina lkoll.
Dan it-tagħlim twassal lill-pubbliku billi matul is-sena numru mdaqqas ta’ adulti jiltaqgħu regolarment kull l-aħħar Ġimgħa tax-xahar fid-Dar Ċentrali tal-MUSEUM għal serje ta’ konferenzi dwar it-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Dan il-grupp hu msejjaħ: Grupp San Ġorġ Preca. Qrib tal-festa, fit-3, 4 u 5 ta’ Mejju saru konferenzi minn Membri tas-Soċjeta’ tal-M.U.S.E.U.M. fil-parroċċa tas-Swatar, li hi ddedikata lil San Ġorġ Preca, dwar il-virtujiet teologali li tant kienu għal qalb Dun Ġorġ. Dan l-aħħar beda jsir ukoll ħin ta’ talb mill-kitbiet ta’ San Ġorġ Preca, fl-10 ta’ filgħodu, fil-Kappella tal-Midalja Mirakuluża. F’Mejju se tkun pubblikata edizzjoni oħra tar-rivista DUN ĠORĠ, b’artikli diversi dwar San Ġorġ Preca.
L-eżempju ta’ San Ġorġ Preca
Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI, ħmistax qabel il-festa, wasslet ukoll il-karatteristika ta’ San Ġorġ Preca bħala Saċerdot, proprju fis-sena ddedikata lis-Saċerdot. Kemm meta wasal fl-ajruport ta’ Malta, kif ukoll fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Papa rrefera għal San Ġorġ Preca. Fl-udjenza ġenerali tal-Erbgħa 21 ta’ April il-Papa eżorta biex San Ġorġ Preca jservi ta’ mudell u ta’ ispirazzjoni lis-Saċerdoti fil-ħidma tagħhom biex itemmul-missjoni li rċevew biex jitimgħu il-merħla tal-Mulej.
San Ġorġ Preca bl-ebda mod ma għandu jkun mudell biss għas-Sacerdoti jew għall-Membri tal-MUSEUM, imma min jiskoprih f’ħajtu, mhux biss fuq il-livell devozzjonali imma aktar fuq il-livell tal-ispirtu, żgur li jsib f’dan il-qaddis ħuna li għex fi żmiena, minjiera ta’ pariri li jgħinuh jgħix ħajja mill-aktar felici u kuntenta.
Tajjeb li ngħidu li hemm numru ta’ kotba miktubin minn San Ġorġ Preca u li fihom ħafna riflessjonijiet, talbiet u tagħlim fuq il-ħajja nisranija. In-Nisrani għandu jfittex li jitgħallem il-fidi tiegħu, għax kif kien jgħid San Ġorġ innifsu: It-Tagħlim tajjeb hu l-għajn ta’ kull ġid. San Ġorġ xtaq lil kull persuna l-paci tal-qalb u għalhekk huwa nnifsu fassal ħajtu fuq dawk il-principji u l-valuri li jwassluk biex tgħix dejjem fil-paci. Min irid il-vera paci tal-qalb, kien jgħallem San Ġorġ Preca, irid jaħfer bil-qalb lil min ikun għamilli xi deni, iżomm moderazzjoni f’kollox u jfassal ħajtu fuq dik ta’ Ġesù.
Il-programm tal-festa
Din is-sena l-programm tal-festa ta’ San Ġorġ Preca fil-kappella tal-Midalja Mirakuluża u fl-Awditorju tad-Dar Ċentrali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda hu dan:
Il-Ħamis 6 ta’ Mejju jkun hemm laqgħa ta’ talb mill-kitba ta’ San Ġorġ Preca, fl-10 a.m. fil-Kappella, animat mill-Membri tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M. Fis-6.00 p.m. issir Quddiesa fil-Kappella ċċelebrata mill-W. Rev. Fr Henry Balzan, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun.
Il-Ġimgħa 7 ta’ Mejju ssir Quddiesa fis-6.00 p.m. fil-kappella, ċelebrata minn Mons. Lawrence Gatt, Kanċillier tad-Djoċesi, Assistent Ekkleżjastiku tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.
Is-Sibt 8 ta’ Mejju jsir pellegrinaġġ minn Għawdex u Quddiesa fis-6.00 p.m. fl-awditorju tad-Dar Ċentrali tal-M.U.S.E.U.M., preseduta mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech.
Il-Ħadd 9 ta’ Mejju ssir Quddiesa fit-8.00 a.m. fil-Kappella, ċelebrata mill-E.T. Mons. Isqof Emeritus Nikol Cauchi. Il-Quddiesa tkun trasmessa fuq il-PBS. Jieħu sehem il-kor Sine Macula taħt it-tmexxija ta’ Mro Tony Pace. Matul din il-ġurnata jkun hemm talb fil-Kappella, animat mill-Membri tal-M.U.S.E.U.M. u mumenti għal talb personali.
Kulħadd hu mistieden.
Joe Galea
Segretarju Ġenerali
Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija – M.U.S.E.U.M.