L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema” (2 Tim 4:17-18). Dan il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lid-dixxiplu żagħżugħ Timotju jagħtina tifsira profonda ta’ din il-festa li qed nagħmlu llum.

L-ewwel qari jagħtina esperjenza qawwija ta’ Pietru li jiġi arrestat minn Erodi u jinħeles minn ħabs aħrax u x’aktarx mill-kundanna tal-mewt. Erodi kien diġà qatel wieħed mix-xhieda ewlenin: lil Ġakbu, ħu Ġwanni. Ninnutaw li f’dan il-qari li bih tibda l-festa tal-lum, jissemmew dawn it-tliet xhieda: Ġakbu li Erodi qatagħlu rasu, ħuh Ġwanni, u Pietru. Huma t-tliet xhieda tat-trasfigurazzjoni. Dawn huma xhieda tal-glorja tal-Mulej imma llum narawhom fl-umiljazzjoni tagħhom. Wieħed maqtul, Ġwanni jibki ’l ħuh Ġakbu maqtul u Pietru arrestat. Din hi l-glorja li qed iwiegħed il-Mulej? Din hi l-glorja li rajna fuq it-Tabor?

San Luqa jgħidilna li fuq it-Tabor fil-glorja tal-Mulej jisimgħuh ukoll jitkellem ma’ Mosè u Elija fuq il-misteru tas-salib, fuq it-tluq tiegħu minn Ġerusalem, l-umiljazzjoni tal-Mulej, il-kundanna ħarxa tiegħu, l-arrest tiegħu, it-tradiment, il-qtil b’mod l-iżjed krudil, il-mewt tiegħu. Allura meta nisimgħu lill-appostlu Pawlu jitkellem fuq il-ħelsien u dan il-qari nisimgħuh f’jum il-qtugħ ir-ras tiegħu, u fl-istess jum li fih niftakru fis-tislib rasu ’l isfel saqajh ’il fuq ta’ Pietru, ngħidu: ‘imma dan x’ħelsien hu? Xi glorja hi din?’

U allura nifhmu li din il-festa tant għażiża għall-Maltin, (it-tradizzjoni tagħna tgħidilna li din il-festa minn dejjem kienet iċċelebrata – għandna d-dokumenti sa mill-14-il seklu li fiha jiċċelebraw lil San Pietru u lil San Pawl) għalina wkoll hi l-mument tal-ħsad, il-mument ta’ ringrazzjament lil Alla għall-frott tal-biegħa tal-art, għal dak li l-Mulej iberikna bih fil-ħolqien tiegħu. Allura din il-festa tfakkarna f’dak li jagħmilna tassew imma tgħabbina wkoll bir-responsabbiltà għax jekk qed niċċelebraw – tant kulturi jiċċelebraw il-mument tal-ħsad – aħna jiġi propju qabel għax il-biegħa tagħna minħabba x-xemx, issir ħafna iżjed malajr u għandha togħma partikulari tagħha tant bnina, tant qawwija. Qed nibżgħu għaliha l-biegħa tagħna u l-ambjent li minnha joħroġ? Il-festa tal-Imnarja ta’ kull sena trid tfakkarna li l-għeruq tagħna ma jistgħux jikbru fil-konkos u s-siment. Min jista’ jifhimni, ħa jifhem.

Il-ġustizzja ta’ din id-dinja mxellfa u dejjem fallibbli, daqqa fuq punt u daqqa fuq ieħor, imma l-verità ta’ Alla la tinganna u lanqas tiġi ingannata.

Imma llum ukoll niftakru fl-għerq tagħna li mhijiex il-glorja ta’ din id-dinja imma glorja li għandha destin isbaħ u aħjar imma la tibża’ mill-umiljazzjoni u lanqas mill-mewt għax aħna qed nagħmlu festa. Dan mhux funeral ta’ żewġ appostli. Qed naghmlu festa, vera li qed infakkru l-umiljazzjoni u l-mewt krudila tagħhom, il-kundanna ħażina li ħadu mit-tribunal ta’ din id-dinja (espressjoni għal qalb ħafna San Ġorġ Preca) imma nkunu boloh jekk illum ninsew li dawn iż-żewġ appostli laqqgħuna ma’ Ġesù Kristu, l-imħallef ta’ vera li jixhed u jiġġudika fil-verità. Il-ġustizzja ta’ din id-dinja mxellfa u dejjem fallibbli, daqqa fuq punt u daqqa fuq ieħor, imma l-verità ta’ Alla la tinganna u lanqas tiġi ingannata.

Illum irridu nsellmu lit-tribunal tal-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna fejn fis-skiet ta’ qalbna jekk il-Mulej isib dak ix-xaqq ta’ disponibbiltà, idawwalna bid-dawl tiegħu u anke jekk iċanfarna, iwennisna bil-ħniena tiegħu. Wara kollox dan hu l-ħelsien li fuqu jitkellmu l-appostli mill-esperjenza personali tagħhom. Dan il-ħelsien ta’ vera li mhuwiex biss il-ħelsien li tagħmel li trid imma li tagħmel is-sewwa mhux skont l-aptit jew skont il-wiċċ jew skont kif jaqbillek imma skont dak li hu tassew.

“Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema” (2 Tim 4:18). Pawlu, l-Appostlu Missierna, fi xjuħitu hu u jikteb lil dan id-dixxiplu żagħżugħ prattikament qed jafdalu l-missjoni, l-appostolat, il-fidi tiegħu. “Ħarist il-fidi” (2 Tim 4:7) jgħidlu. Hu li jsejjaħ lilu nnifsu l-protos tal-midinbin, mhux midneb, l-aqwa wieħed minnhom u jgħid: “Alla ħenn għalija biex tidher fija l-paċenzja bla tarf ta’ Kristu”. U din il-paċi l-Mulej jużaha ma’ kull wieħed u waħda minna, jużaha ma’ pajjiżna wkoll mas-soċjeta tagħna.

Imma llum aħna u niftakru fir-responsabbiltà tagħna li l-ħelsien li għaddew minnu l-appostli ikun tagħna wkoll. Insejħu tant affarijiet bil-kelma sabiħa ta’ ‘progress’ imma qed iwasslilna ħelsien veru dan il-progress? Qed jagħtina paċi vera, dik il-paċi li ma tista’ tixtriha bl-ebda balla ewro? L-ebda flus ma jistgħu jixtrulek il-paċi. Il-progress tagħna x’inhu jekk il-kwalità fundamentali tal-ħajja tagħna, il-wellbeing spiritwali, psikoloġiku, fiżiku tagħna ma jibqax hemm?

M’ilux b’nota nostalġika ntwerew filmati antiki tal-ħamsinijiet u l-kumment li laqatni – għax ma stajtx inkun parteċipi għal din il-manifestazzjoni ta’ kultura profonda li tfakkarna minn fejn ġejna, u kemm sar tassew progress li għalih importanti nirringrazzjaw lil Alla u nkunu grati – imma xi ħaġa laqtitni. Kien hemm kumment li qal: ‘Il-Maltin kellhom it-tbissima faċli fuq wiċċhom dawk iż-żminijiet.’ Fejn marret it-tbissima fuq wiċċna? Tarana fit-traffiku filgħodu jew imdamdmin wara xi lejl divertiment nitqatlu bejnietna u nsejħulu entertainment? U l-lista tkompli.

Illum waqt li niċċelebraw il-ħelsien ta’ dawn l-appostli u l-fidi li ġabulna biċ-ċarċir ta’ demmhom, nitolbu bħalma talabna l-Papa fiż-żjara tiegħu fostna. Illum hi l-festa li fiha nħossuna qrib ħafna l-Papa u l-Knisja ta’ Ruma glorjuża bid-demm ta’ dawn iż-żewġ appostli li mietu hemm, martri ta’ Neruni. Il-Papa qalilna: il-ferħ tagħkom irid ikun li xxandru lil Ġesù. Liż-żgħażagħ hekk qalilhom: Nixtieq noffrilkom il-ferħ li ma jeħodhulkom ħadd u dan għandu isem: hu Ġesù. La hi sustanza li tieħu, la hi kemm għandek flus il-bank, hi Ġesù. Hu l-isem li għallmuna l-appostli u li kitbuh b’demmhom.

Mattia Preti kkompona pittura straordinarja tal-laqgħa ta’ Pietru u Pawlu huma u sejrin lejn il-martirju. Hi laqgħa ideali għax il-martirju ta’ dawn iż-żewġ appostli kien mifrud fiż-żmien u anke bil-metodu. Pawlu nqatel ta’ ċittadin Ruman allura bi qtugħ ir-ras. Pietru (Xmun Pietru) jinqatel bħall-iskjavi bit-tislib. Imma t-tnejn mietu għall-imħabba fundamentali li bidlitilhom ħajjithom: l-imħabba għal Ġesù. “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem” (2 Tim 4:18).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33:2-9
Qari II: Tim 4:6-8,17-18
L-Evanġelju: Mt 16:13-19