-
-
L-awtoritajiet Filippini pprojbixxu li jiddendlu kuruni tar-rużarju jew jitpoġġew xi statwetti mad-dashboards tal-karozza, u dan minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Din id-deċiżjoni ġabet magħha ftit ta’ kontroversja, bil-Knisja Kattolika fil-Filippini tinsisti li dawn is-simboli huma intervent divin għat-toroq kaotiċi tal-pajjiż.
Il-projbizzjoni, li se tidħol fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Mejju 2017, hija parti minn serje ta’ inizjattivi li qed jittieħdu sabiex is-sewwieqa ma jkollhomx ħafna distrazzjonijiet waqt is-sewqan.
Fost id-distrazzjonijiet hemm li tirrispondi l-mowbajl jew tibgħat messaġġ, tagħmel il-make-up u tiekol jew tixrob waqt li ssuq.
Iżda minn dawn id-distrazzjonijiet kollha, kienet it-tneħħija tas-simboli reliġjużi l-aktar li qajmet furur.
Minn 100 miljun ċittadin Filippin, 80% minnhom huma Kattoliċi, tradizzjoni li ilha minn żmien il-kolonjaliżmu Spanjol li spiċċa fl-1898. Il-Filippini jqisu s-simboli reliġjużi fil-karozzi bħala l-protezzjoni tal-Mulej waqt is-sewqan.