-
-
Is-Soċjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù (Sisters of the Sacred Heart) għaddew l-Fondazzjoni li tmexxi l-iskola f’San Ġiljan (Foundation of the Convent of the Sacred Heart School) fir-responsabbiltà tal-Arċisqof ta’ Malta. Dan sar permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat llum, l-Erbgħa 23 ta’ Lulju 2014, bejn Sr Bernardette Porter, Ekonoma Ġenerali, u Sr Carmen Valentino, Delegata, f’isem is-Soċjetà tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, u Dr Michelle Tabone, Ekonoma, f’isem l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Il-ftehim ġie ffirmat fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.
Permezz ta’ dan il-ftehim, is-Soċjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu qed ipoġġu mingħajr ħlas, għad-dispożizzjoni tal-Fondazzjoni, l-bini kollu u l-faċilitajiet kollha li jintużaw f’din l-iskola.
Monsinjur Arċisqof assigura li dan il-passaġġ iseħħ bl-aktar mod sempliċi biex titħares l-istabbilità ta’ din l-istituzzjoni edukattiva tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna. Il-ġenituri tal-istudenti u l-istaff kienu mgħarrfa b’din il-biddla fit-tmexxija tal-iskola, qabel ma spiċċat l-aħħar sena skolastika.
Is-Soċjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu rringrazzjaw lil Monsinjur Arċisqof u esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-kollaborazzjoni f’dan il-proġett edukattiv.
Il-Knisja f’Malta hija rikonoxxenti ħafna lejn is-Soċjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù għal mija u ħdax-il sena sena servizz mill-aqwa li taw f’din l-iskola, u għad-dedikazzjoni li urew ma’ eluf ta’ studenti li rċievew l-edukazzjoni tagħhom f’din l-iskola tul is-snin.
-
-
Fir-ritratt ta’ fuq, mix-xellug ghal-lemin, jidhru Sr Catherine Mifsud, tezoriera distrettwali tas-Socjetà tas-Sorijiet tal-Qalb Imqaddsa ta’ Gesu, Ms Joyce Pullicino, chairperson tal-Fondazzjoni tal-Kullegg, Sr Carmen Valentino, superjura distrettwali, Sr Bernardette Porter, ekonoma generali, Mons. Pawlu Cremona O.P., Arcisqof ta’ Malta, Dr Joseph Debono, nutar, Dr Michelle Tabone, ekonoma, Dr Dominic Cassar, legal advisor, Mr Ray Bonnici, property manager.
-
-
Ritratti: Photocity
www.photocitymalta.com