• Il-Ġimgħa 15 ta’ Lulju 2016, saret Quddiesa præsente cadavere tas-Sinjura Josephine Cremona, omm l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P., fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Duminku, il-Belt Valletta. Għall-Quddiesa attendew l-Ogħla Awtoritajiet tal-pajjiż, l-Isqfijiet Maltin, saċerdoti, qraba u ħbieb tal-familja Cremona. 
     
     

    Omelija tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P.

  • Knisja Parrokkjali San Duminku, Il-Belt Valletta
     15 ta’ Lulju, 2016
     
    Fil-funeral tan-Nisrani, aħna ma ngħaddux mill-post tal-mewt għall-post tad-dfin. Nagħmlu din il-waqfa, hawnhekk fil-knisja. Nieqfu hawn għaliex hawnhekk niltaqgħu ma’ dak li miet elfejn sena ilu u qam. Niġu hawnhekk ukoll biex ngħixu l-mewt fid-dawl tal-fidi tagħna. Ma jagħmilx sens li niġu hawn mingħajr riflessjoni Kristjana fuq il-mewt.
    Skont il-Kelma ta’ Alla, fil-Ġenesi, Alla l-Imbierek ma ħalaqx lill-bniedem biex imut. Hu ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu. Fil-mod kif turihulna l-Ġenesi, Alla fl-Eden minbarra s-siġra tat-tajjeb u l-ħażin qiegħed ukoll is-siġra tal-immortalità, biex meta jieklu minnha ma jmutux. Dan kien il-pjan tiegħu.
    Iżda meta l-bniedem dineb, Alla ma setax iħallihom fil-ġnien tal-Eden, għaliex kieku baqgħu jieklu mis-siġra tal-immortalità, kienu jagħmlu l-ġisem tagħhom, u allura anke tad-dnub, immortali. Għalhekk ma daħlitx il-mewt bħala kastig iżda, kif jgħid San Pawl bħala ħelsien. Fil-mewt il-ġisem isir trab, biex il-bniedem jidħol fl-eternità ħalli jingħata ġisem glorjuż fl-aħħar taż-żmien.
    Din hija l-fidi tagħna. Anki l-mewt hija frott tal-imħabba ta’ Alla lejna.
    Biss Alla xorta ried iwettaq il-pjan originali tiegħu, iżda b’mod differenti, permezz ta’ lbnu Sidna Ġesù  Kristu. Sidna Ġesù Kristu sar bniedem bħalna. B’hekk l-umanità saret mimlija bid-Divinità tiegħu, l-għemejjel tajbin tal-bniedem saru għandhom qawwa eterna f’Sidna Ġesù Kristu: jistgħu jwasslu għall-ħajja ta’ dejjem.
    Sidna Ġesù Kristu sar bniedem bħalna. B’hekk l-umanità saret mimlija bid-divinità tiegħu. L-għemejjel tajbin tal-bniedem saru għandhom qawwa eterna f’Sidna Ġesù Kristu – jistgħu jwasslu għall-ħajja ta’ dejjem.
    Sidna Ġesù Kristu ġie u ħa fuq spallejh il-ħtijiet tagħna u ppurifikahom. Dan sar b’mod speċjali fuq is-salib. Huwa ħa dawk l-għemejjel li Alla ma kienx ħalla, u billi għadda minnhom saru mezz ta’ qdusija.
    Alla ma ħalaqx it-tbatija. Fuq is-salib it-tbatija saret mezz ta’ mħabba u salvazzjoni. Kull Nisrani li jemmen jista’ jgħaddi mit-tbatija flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu. B’hekk it-tbatija issir mezz ta’ sehem fil-missioni ta’ salvazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu minn fuq is-salib.
    Alla ma ħalaqx id-dnub. Minn fuq is-salib, Sidna Ġesù Kristu wriena l-isbaħ sinjal tal-maħfra li seta’ jagħtina meta ħafer lil dawk li kienu jsallbuh, ma nistgħux nimmaġinaw dnub ikbar minn dak li sallabnieh. Hu daħal għalina quddiem il-Missier għall-maħfra tagħna l-bnedmin.  B’hekk kisser iċ-ċirku tal-vjolenza.
    Alla ma ħalaqx il-mewt. Iżda Ġesù għadda mill-mewt biex aħna nistgħu ngħaddu mill-mewt miegħu. Meta Ġesù għadda mill-mewt, il-mewt saret qawmien. Hu qam mill-imwiet u għadda 40 jum mad-dixxipli tiegħu biex isaħħaħhom fil-fidi tagħhom fil-qawmien tiegħu. Kemm hi inġusta għal Ġesù, dik il-frażi li kultant ngħidu li “ħadd ma ġie lura mill-mewt”. Donnu nkunu qed niċħdu li Ġesù qam. Imma Ġesù qam, u qam biex aħna, fih, inqumu.
    Fl-ewwel lezzjoni Iżaija jagħtina viżjoni ta’ dak li għad irid jiġi li jikkorrispondi għal dak li għedna. Huwa jgħidilna:
    Il-Mulej “iċarrat…il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha”. Hawnhekk lill-Mulej ma narahwx għax hemm velu li jgħattihulna. Fl-etemità naraw lil Alla wiċċ imb wiċċ. Il-Mulej “jixxotta .. id-dmugħ minn fuq kull wiċċ”. Il-Mulej innifsu ineħħi t-tbatijiet kollha mill-bnedmin. Il-Mulej iħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha”. Hemmhekk ma jkunx hemm l-għajb tad-dnub. Il-Mulej…jeqred il-mewt għal dejjem”.
    Il-Mulej tana dan id-dawl kollu biex itaffilna l-kruha tal-mewt. Għaliex nitilfu ċ-ċans li naraw il-mewt minn din il-perspettiva, u nkomplu ngħixuha biss fil-kruha tagħha. Huwa dan it-twemmin li jgħinna ngħixu tabilħaqq il-mewt fil-verita u l-imħabba ta’ Ġesù kollha tagħha.
    Forsi tajjeb ukoll li naraw is-sinjali li jagħtuna t-tama fuq il-mamà fid-dawl tal-aħħar minuti ta’ Sidna Ġesù fuq is-Salib.
    Sidna Ġesù Kristu dar lejn íl-Missier u qallu: “Kollox mitmum!”. Il-Missier tah missjoni u hu qdieha sal-aħħar. ll-mamà wkoll kellha missjoni mingħand il-Missier: dik li tifforma flimkien mal-papà, familja. Hija ngħatat kollha kemm hi biex tifforma u trabbi familja. Kienet tifraħ meta kienet tarana mdawwrin bil-ħbieb tagħna. Kien hemm xi ħadd minn dawn ħbiebna li qaltli li l-mama kellha sehem kbir fit-trobbija tagħha. Illum jiena, ħija u oħti nirringrazzjaw lill-Mulej talli tahielna u tahielna għal tant snin.
    Sidna Ġesù Kristu fuq is-Salib, għamel l-iktar att ta’ mħabba: huwa interċeda quddiem il-Missier: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Il-ħajja tal-mamà tatha ċ-ċans biex tgħix l-imħabba ta’ għajnuna b’mod speċjali biex tieħu ħsieb u tgħin diversi membri tal-familja taghha. Hija ħadet ħsieb tal-ġenituri tagħha; ħadet ħsieb tal-ħames zijiet tagħha fix-xjuħija u l-mard tagħhom. Nirringrazzjaw lill-Mulej għall-eżempji sbieħ li tatna.
    Sidna Ġesù Kristu fuq is-salib temm ħajtu billi radd ruħu lil Alla l-Missier: “F’idejk Mulej jien nerħi ruħi”. L-aħħar mumenti tan-Nisrani li jkun qiegħed imut huwa meta ta’ madwaru, jħejjuh għal din it-telqa f’idejn il-Missier. F’din I-aħħar agunija tagħha, il-mamà kienet tieħu gost ttenni: “Ħniena Divina, ħenn ghalija”. Nirringrazzjaw lill-Mulej talli kien magħha anki f’dawn l-aħħar mumenti. It-tama tagħna hija li dan kollu wassalha biex tingħaqad mal-Mulej għal dejjem fl-eternità.
     Pawlu Cremona O.P.
     Arċisqof Emeritu
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja