Ritratt: COMECE

Kummissjoni mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qed taħdem fuq dokument li jitkellem dwar l-isfidi attwali u tal-futur li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Soċjali tifforma parti mill-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE), li l-Isqof Awżiljarju hu membru tagħha.

Il-membri tal-kummissjoni li huma esperti fuq il-politika soċjali u jinħatru għal terminu ta’ ħames snin, bħalissa qed jaħdmu fuq dan id-dokument b’rabta mal-missjoni Ewropea tagħhom li jindirizzaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-Ewropa, il-faqar u l-ġustizzja ekoloġika u ekonomika. Id-dokument jismu ‘Nikkonfrontaw il-5 snin li ġejjin: Nindirizzaw l-Isfidi tal-Ħaddiema fl-UE b’approċċ soċjali Kattoliku’.

L-Isqof Galea-Curmi qal lil Newsbook Malta li, b’rabta mat-tnedija tad-dokument, ġiet organizzata sessjoni ta’ djalogu fil-Parlament Ewropew fi Brussell li matulha ġew diskussi l-erba’ aspetti li hu mibni fuqhom id-dokument. L-aspetti huma l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol, il-ġustizzja soċjali u ekoloġika, il-ħaddiema fl-era tal-intelliġenza artifiċjali u d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol.

Ritratt: COMECE

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat l-ewwel aspett bħala delegata tal-Konferenza Episkopali Maltija fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-COMECE.

Matul id-diskussjoni dwar id-dokument, l-Isqof Awżiljarju ltaqa’ wkoll mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

“Irridu nassiguraw li kull persuna fl-Ewropa ssib dinjità f’xogħolha”

Bħala President ta’ din il-Kummissjoni, l-Isqof Awżiljarju għamel id-diskors introduttorju tas-sessjoni. Mons. Galea-Curmi qal li hu unur għalih li qed jaħdem fuq dan id-dokument u rringrazzja lill-MEP Dennis Radtke talli ospita din id-diskussjoni u appoġġja d-dokument. Hu rringrazzja wkoll lil Antoine Kasel, li hu l-Kap tal-Kabinett tal-Kummissarju Ewropew tal-Politika Soċjali, u lill-Ministru Belġjan għall-Affarijiet Soċjali Francesco Corti.

Hu qal li x-xogħol fuq id-dokument hu wieħed siewi ħafna u hu r-responsabbiltà tal-grupp tal-COMECE. “Id-dokument bħalissa qed jiġi evalwat mill-membri tal-Kummissjoni tal-Affarijiet Soċjali tal-COMECE u se nkunu qed nitkellmu dwar uħud mill-punti ewlenin tiegħu u niddiskutuhom,” qal l-Isqof Galea-Curmi.

L-Isqof Awżiljarju qal li d-dokument kien jirrekjedi wkoll l-intervent ta’ esperti differenti, kif ukoll rappreżentanti ta’ unions differenti.

Ritratt: Parlament Ewropew

Hu qal li l-futur tax-xogħol ma jiddependix biss fuq l-aspett ekonomiku jew teknoloġiku iżda fundamentalment mill-bnedmin. “Irridu nassiguraw li kull persuna fl-Ewropa ssib dinjità, sigurtà u għan f’xogħolha, irrispettivament minn kif jevolvi l-ambjent madwarhom,” saħaq l-Isqof Awżiljarju.

Stqarr li x-xogħol mhuwiex biss skop biex wieħed jaqla’ l-għajxien tiegħu iżda hu pilastru fundamentali tad-dinjità tal-bniedem u triq għall-inklużjoni soċjali. Hu rrefera għall-ittra enċiklika Laborem Exercens li fiha, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li “x-xogħol hu espressjoni ewlenija tal-umanità tagħna”.

L-Isqof Awżiljarju semma l-bosta innovazzjonijiet teknoloġiċi tal-aħħar snin u l-isfidi demografiċi u ambjentali li jwasslu għal aktar ħsieb dwar l-effetti tagħhom fuq is-suq tax-xogħol Ewropew.

Appella biex, filwaqt li niddjalogaw b’mod kritiku, ma nħallux warajna l-aktar persuni vulnerabbli. Hu kkonkluda li dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati fl-ispirtu tas-solidarjetà, id-djalogu u r-responsabbiltà kollettiva, “li huma prinċipji tat-tagħlim soċjali Nisrani u l-proġett Ewropew”.

Ritratt: COMECE

Sors: Newsbook.com.mt – Gavin Muscat