Maġġoranza ta’ kattoliċi għadhom jippreferu li jsibu l-aħbarijiet relatati mal-Knisja fil-gazzetti stampati ta’ kull ġimgħa. Dan irriżulta f’rapport ippubblikat riċentament miċ-Ċentru għar-Riċerka Applikata fl-Appostolat, li hu bbażat fl-Univerista ta’ Georgetown.
Madwar 14.8 miljun kattoliku Amerikan adult, regolarment jaqraw il-gazzetti djoċesani u l-magażins stampati. Ir-riżultati ħarġu minn stħarriġ fost 1,239 persuna li tistqarr li hi kattolika. Iċ-Ċentru li ppubblika r-rapport qal li riżultat simili kien ħareġ fi studju separat sitt snin ilu. Minkejja l-iżviluppi li seħħew riċentament fil-qasam tal-media, iċ-Ċentru qal li ftit jidher li kellu impatt fuq kif il-kattoliċi jaċċessaw l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet tad-djoċesi. Jirriżulta li kienu 4% biss dawk il-kattoliċi adulti li aċċessaw l-informazzjoni u l-pubblikazzjonijiet tad-djoċesi online; b’persentaġġ ta’ 1% biss li ddikjaraw li jmorru online partikolarment għal dawk l-aħbarijiet. Madwar 80%, sadattant, esprimew sodisfazzjon għall-mod kif inhuma preżentati il-pubblikazzjonijiet djoċesani.
L-istħarriġ wera wkoll nuqqas ta’ għarfien dwar il-media kattolika nazzjonali. Dan ħareġ meta waqt il-proċess tal-intervista, l-individwi ngħataw lista ta’ 28 gazzetta u magażin kattoliku maħruġa fuq skala nazzjonali. Kienu 56% li qalu li ma kinux jafu bihom.
L-użu tal-internet għat-tiftix tal-ħarġiet ta’ kontenut reliġjuż maħruġa mid-djoċesi irriżulta wkoll nieqes minn fost dawk imwielda wara l-1981.