• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor il-Kbir, Tas-Sliema

    25 ta’ Frar 2019

    “Mulej ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja. Jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar jew wara ħwejjeġ ogħla minni, imma żammejt ruħi fis-skiet u fil-kwiet bħal tarbija f’ħoġor ommha”.

    Dan il-kliem minn Salm 130, li qiegħed fis-santa-tifkira ta’ Fr Noel Vella, narah jiġbor b’mod sabiħ ħafna l-ħajja ta’ Fr Noel, li llum qegħdin insellmu waqt li niċċelebraw il-passaġġ tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem.


    Bħal tarbija f’ħoġor ommha

    Fr Noel, saċerdot twajjeb u umli, li ħadem għal aktar minn 21 sena bħala viċi kappillan f’din il-parroċċa ta’ San Girgor, kellu qabelxejn din il-fiduċja sħiħa f’Alla, “bħal tarbija f’ħoġor ommha”. Ta ħajtu lil Alla meta sejjaħlu biex ikun saċerdot; miegħu baqa’ marbut ħajtu kollha sal-aħħar. Dak li smajna fl-ewwel qari mill-profeta Iżaija kienet iċ-ċertezza tiegħu: “Dan hu l-Mulej li fih ittamajna. Nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu”.

    Hu dan li qed niċċelebraw illum. Mat-tislima tagħna lil Fr Noel, b’niket għat-telfa tiegħu, qegħdin niċċelebraw din il-fidi f’Alla l-ħaj, li jagħti l-garanzija tal-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jimxu warajh. Kif nitolbu fil-quddiesa, “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u mal-mewt tal-ġisem fuq din l-art titħejja għalina għamara għal dejjem fis-sema”. Ġesù rebaħ il-mewt, u aħna lkoll li nimxu warajh rebbieħa miegħu. Lilna wkoll jagħmilna “pajżani tas-sema pajjiżna”.


    Xhieda sabiħa

    Iċ-ċelebrazzjoni tal-lum mhijiex biss ċelebrazzjoni tal-fidi f’Alla li jsalva, imma wkoll ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għall-ġid li għamel ma’ Fr Noel u permezz tiegħu. Li jolqtok ħafna f’dan is-saċerdot hi l-ħajja ta’ xhieda tal-Evanġelju. Għalhekk illum ngħidu grazzi lil Alla għax-xhieda sabiħa ta’ dan is-saċerdot.

    Meta ltaqgħu ma’ Fr Noel diversi nies raw fih saċerdot li jħobbhom.

    Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fil-ġentilezza kif kien jittratta lill-oħrajn, ibda mill-mamà u z-zija tiegħu, imbagħad lil ħafna nies oħra. Kienet tidher fit-tbissima sabiħa tiegħu, fl-umiltà, fil-qalb kbira tiegħu. Kien jixbah tassew lil Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli”. Meta ltaqgħu ma’ Fr Noel diversi nies raw fih saċerdot li jħobbhom.


    Fis-skiet u fil-kwiet

    Fr Noel kien eżempju ta’ saċerdot li qeda l-missjoni li Alla tah “fis-skiet u fil-kwiet”, bla ħafna storbju imma b’mod effettiv. Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fis-servizz li ta f’din il-parroċċa ta’ San Girgor li hu ħabb, fil-lealtà tiegħu lejn diversi kappillani li kienu jmexxu din il-parroċċa tul is-snin li ħadem hawn, fl-interess tiegħu ġenwin fil-ħajja ta’ dawk li kien jaqdi.

    Fr Noel jurina kemm hi sabiħa l-fraternità saċerdotali…

    Ix-xhieda tiegħu kienet tidher fil-ħerqa tiegħu u l-impenn tiegħu biex jagħti s-sehem tiegħu b’risq is-saċerdoti fl-animazzjoni spiritwali tagħhom, u biex ikun mas-saċerdoti sħabu, li hu kien iħobb u minnhom irċieva appoġġ fil-ħajja tiegħu. Fr Noel jurina kemm hi sabiħa l-fraternità saċerdotali, fejn is-saċerdoti jieħdu gost ikunu fil-kumpanija ta’ xulxin u jkunu ta’ sostenn għal xulxin.

    Meta llum tiġi t-tentazzjoni anke lis-saċerdoti li l-weġgħat tal-ħajja tagħhom personali jaqsmuhom mad-dinja kollha permezz tal-midja soċjali, nagħmlu tajjeb niftakru f’dan is-saċerdot li kien jaf li m’għandux għalfejn jitkellem mad-dinja kollha fuq dak li jista’ jesprimi ma’ saċerdoti oħra li jistgħu jgħinuh bil-qalb.

    Fr Noel ta xhieda sabiħa wkoll fil-marda tiegħu. Kien jitkellem b’realiżmu, jispjegalek fid-dettall dak li għaddej minnu, u fl-istess waqt dejjem b’dik il-fiduċja u t-tama fil-Mulej li se jagħtih l-għajnuna li jeħtieġ fiż-żmien ta’ tbatija.


    Kuntrast qawwi

    Illum ngħidu grazzi lill-Mulej tax-xhieda sabiħa ta’ dan is-saċerdot. Nirringrazzjawh li din ix-xhieda nistgħu napprezzawha aktar meta narawha f’kuntrast ma’ dak li smajna speċjalment f’dawn l-aħħar ġranet fuq saċerdoti f’diversi pajjiżi li xxukkjaw bl-imġiba ħażina tagħhom u li nisslu tant swied ta’ qalb. Il-Mulej tana l-grazzja speċjali li niċċelebraw b’għożża dan is-saċerdot awtentiku li għex bil-fedeltà u b’tant imħabba l-vokazzjoni tiegħu, u li jfakkarna f’tant saċerdoti li qed jaqdu lill-poplu b’dan l-istess spirtu.


    Mar-Reġina tas-sema

    Bi gratitudni f’qalbna, illum nitolbu lill-Mulej biex jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil Fr Noel. Mhux kulħadd jaf—jien sirt naf biss ftit ġranet ilu—li Fr Noel kien iħobb lir-reġina. Xtaq li kieku xi darba jiltaqa’ mar-reġina. It-talba tagħna hi li issa l-Mulej ilaqqgħu ma’ reġina speċjali, mar-reġina tas-sema, Marija, u jingħaqad magħha għal dejjem. U naturalment ma’ San Girgor il-Kbir, li lilu wkoll kien iħobb hu u jaqdi fil-parroċċa ddedikata lilu. Grazzi, Fr Noel.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Ritratti: Fr Martin Micallef