L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jinsisti diversi drabi fuq il-maħfra ta’ bejnietna u jagħmilha kważi kundizzjoni biex nidħlu fis-saltna. Il-parabbola li smajna tikkonkludi b’din it-tagħlima importanti ta’ Ġesù: “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt 18:35). Minn qalbkom, mhux taparsi, minn qalbkom!

Aħna nafu kemm hu diffiċli taħfer, forsi iżjed diffiċli tinsa milli taħfer. Ikun hemm min jgħidlek li ħafer imma ma jistax jinsa. Diffiċli tinsa, anke għaliex il-memorja tagħmel ħafna affarijiet bil-moħħ u l-qalb tagħna u kultant iżjed ma tipprova tinsa, iżjed tiftakar.

Il-maħfra trid tkun lil hinn mill-kwistjoni ta’ memorja. Anke jekk m’aħniex kapaċi ninsew bħall-Mulej — għax il-Mulej meta jaħfer jinsa — imma aħna dgħajfin u meta naħfru ma ninsewx. Għalkemm aħna dgħajfin anke fil-maħfra tagħna, ejjew nitolbuh il-grazzja li meta niftakru, inġeddu l-maħfra tagħna. Meta tara bniedem, l-ewwel ħaġa li tħoss hija l-weġgħa li jkun għamillek u mhux il-maħfra li tkun tajtu. Dak huwa mument fejn inti ġġedded il-maħfra tiegħek u b’hekk taqla’ fuqek barka kbira mingħand il-Mulej. Aħna midjunin mal-Mulej u fil-quddies hekk nitolbu: “Aħfrilna. Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox u lilkom ħuti li jena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil u billi ħallejt dmirjieti”. Dan il-kliem nemmnuh jew le? Dan ngħiduh fil-bidu ta’ kull quddiesa, u huwa vera u l-Mulej jaħfrilna. Ġesù qed jgħidilna: “Jekk il-Missier jaħfirlek, il-Missier li qiegħed fis-smewwiet, kif ma taħfirx lil ħuk?” 

Għalhekk, fit-talba li għallimna, għallimna nitolbu: “Aħfrilna dnubiena bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Din hija waħda mit-talbiet li magħha hi marbuta l-kundizzjoni: aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

Aħna u niftakru f’dawn iż-żewġ qaddisin, wieħed papa u l-ieħor presbiteru li għamilha ta’ papa għax ried jagħmel il-Knisja tiegħu. Ippolitu kien iżjed intelliġenti imma forsi kellu bżonn jitgħallem ikun umli. Fl-aħħar tgħallem x’inhi l-umiltà f’ f’minjiera f’Sardenja jbaqqan taħt tbatija kbira. Miegħu kellu lill-Papa Ponzjanu li qabel telaq minn Ruma, irriżenja biex imbagħad jaħtru Papa minfloku. Il-Knisja tgħaqqadhon flimkien avolja kienu jiġġieldu meta kienu għadhom ħielsa, għaliex ħadu l-istess kuruna tal-martirju. Huma eżempju sabiħ ta’ kemm iħallu ġid l-umiltà u r-rikonċiljazzjoni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta



Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 12, 1-12
Salm: 77 (78), 56-57.58-59.61-62
Evanġelju: Mt 18, 21 – 19, 1