Fid-29 ta’ Ottubru tnieda l-ktieb Ilwien il-Festi Maltin Vol.9, damma ta’ ritratti meħuda minn Mark Micallef Perconte, fotografu u dilettant tal-festi. L-editur tal-ktieb hu Andrew Borg u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kiteb id-daħla tal-ktieb. L-għan ewlieni ta’ din is-sensiela ta’ kotba hu li tgħin lill-qarrej japprezza aktar il-ħidma ta’ tant voluntiera li jissagrifikaw sigħat twal biex jiggarantixxu livell għoli fil-festi kif ukoll biex b’ħidmiethom juru li Alla jixraqlu l-aqwa u l-aħjar.

Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Nixtieq nifraħ lil Andrew Borg u lil Mark Micallef Perconte għall-pubblikazzjoni tad-disa’ volum ta’ Ilwien il-Festi Maltin. Hi pubblikazzjoni sabiħa li toħroġ il-ġmiel ta’ diversi aspetti ta’ festi Maltin. Turina kemm għadna napprezzaw il-patrimonju sabiħ li għandna u nħarsuh.

Jolqotni ħafna t-titlu ta’ din il-pubblikazzjoni, partikolarment il-kelma ‘lwien’. Il-festi tagħna għandhom diversi lwien, u s-sabiħ tagħhom hu meta jkunu ċelebrazzjonijiet li jgħaqqdu flimkien dawn l-ilwien bid-diversità tagħhom. Meta lewn jipprova jitfi lil lewn ieħor, jew iqis lilu nnifsu bħala aqwa mill-ieħor, tidgħajjef is-sbuħija tal-ilwien.

Fil-festi kultant tisma’ u taqra l-kelma ‘supremazija’, jew is-superlattivi ‘l-aqwa, l-isbaħ u l-aħjar’. Is-supremazija vera fil-festi tagħna mhijiex ta’ lewn wieħed fuq l-ieħor, imma tal-ilwien flimkien. L-aqwa, l-isbaħ u l-aħjar fil-festi tagħna hu meta l-ilwien nistgħu napprezzawhom ilkoll flimkien.

Dan tal-lum huwa d-disa’ volum. Nawgura li titkompla l-ħidma għat-tliet volumi li baqa’ f’din is-serje. Jalla din il-pubblikazzjoni tgħinna biex nagħrfu li l-ġmiel veru qiegħed mhux f’lewn wieħed imma f’ilwien il-festi Maltin.

Id-Daħla ta’ Ilwien il-Festi Maltin Vol. 9 miktuba mill-Isqof Awżiljarju

Waħda mill-karatteristiċi sbieħ fil-ħajja reliġjuża Maltija hija ċ-ċelebrazzjoni tal-festi fil-parroċċi u fil-komunitajiet tagħna. Is-Sinodu Djoċesan (1999-2003), fid-dokument Xandir tal-Kelma, kien fisser kif il-festi għandhom ikunu okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u espressjoni ta’ ferħ: “Għal poplu li jfittex kull okkażjoni biex jiċċelebra, il-festi huma mumenti qawwija meta l-poplu tagħna jistqarr b’mod pubbliku l-ferħ tiegħu” (nru 20).

Tolqtok kemm nies jaħdmu volontarjament u b’dedikazzjoni kbira f’diversi oqsma tal-festi Maltin, b’ħinijiet twal ta’ ħidma u b’ħafna sagrifiċċji. Hija ħidma li ta’ min japprezzaha bis-sħiħ.

Tolqtok is-sbuħija u l-ġmiel. Il-pubblikazzjoni Ilwien il-Festi Maltin issa ilha s-snin tenfasizza dan billi tqiegħed quddiem il-qarrejja l-wirt artistiku li għandhom il-knejjes tagħna u li jkun jidher b’mod speċjali fil-ġranet tal-festi. Hu patrimonju li wieħed għandu jħarsu bis-sħiħ.

Tolqtok l-espressjoni ta’ fidi tal-poplu Malti li tul is-snin ried jagħti minn qalbu lil Alla l-isbaħ u l-aħjar, għax hekk jixraqlu.

Meta tgħaqqad dan il-wirt artistiku mal-ħidma soċjali kontinwa u mifruxa tal-Knisja f’Malta tul is-snin favur il-foqra, il-morda, l-emarġinati, familji bi problemi, persuni li għaddejjin minn tbatija u tant nies oħra fil-bżonn, joħorġu l-ilwien sbieħ ta’ Knisja ħajja li għarfet tqiegħed fl-ewwel post dak li hu l-iktar importanti. Ta’ min wieħed ifakkar dak li jgħid is-Sinodu Djoċesan fid-dokument Djakonija u Ġustizzja, waqt li jikkwota lil San Ġwann Krisostmu: “Xi jkun qed igawdi Kristu jekk il-mejda tiegħu tkun miksija b’vażuni tad-deheb waqt li huwa stess ikun qed imut fil-persuna tal-fqar? Ibdew xebbgħu lil dak li għandu l-ġuħ u mbagħad, jekk jibqgħalkom flus, żejnu l-artal” (nru 9, footnote16).

Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għal din il-pubblikazzjoni Ilwien il-Festi Maltin li tfittex dejjem li tiffoka fuq dak li hu pożittiv fil-festi Maltin. B’din il-pubblikazzjoni f’idejna jkollna għodda tajba biex inħarsu l-patrimonju tagħna u fl-istess waqt ngħarblu elementi oħra li kultant jidħlu parti integrali mill-festi Maltin u li huma ta’ għajb flok ta’ ġieħ.

Din il-pubblikazzjoni tgħinna biex nagħrfu kemm aħna għanja bid-diversità li hawn. Is-‘supremazija’, li spiss tissemma’ fil-festi Maltin, għandha tkun fl-għaqda mhux fil-firda, fil-kliem li jfaħħar mhux li jinsolenta, fl-għaqal mhux fl-esaġerazzjoni, fl-inklussività mhux fl-esklużjoni, fl-apprezzament tal-oħrajn mhux fid-disprezz tagħhom, f’dak li jibni l-ħajja mhux dak li jeqridha.

Nappella biex din il-pubblikazzjoni hekk sabiħa tkompli tgħinna naħdmu ħalli b’kuraġġ u b’konvinzjoni nwasslu dejjem messaġġ ta’ ġid, ta’ mħabba u ta’ rikonċiljazzjoni ħalli b’hekk joħorġu dejjem isbaħ l-ilwien tal-festi Maltin.


✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju