Nhar il-Ħadd li ġej, il-Papa se jkun qed jibda l-eżerċizzi spiritwali annwali ta’ Żmien ir-Randan, din is-sena ffukati fuq Ġwanni Pawlu II u t-teoloġija tal-qaddisin. Patri Francois-Marie Lethel, tal-Karmelitani Skalzi, se jkun qed jippriedka l-irtir bejn it-13 u d-19 ta’ Marzu. Patri Lethel hu Professur tatl-Fakulta Teoloġika Pontifiċja u anki Segretajru tal-Akkademja Pontifiċja Teoloġika.
L-eżerċizzi jibdew fis-6pm bil-vespri, meditazzjoni introduttorja, adorazzjoni ewkaristika u jispiċċaw bil-barka. Isiru fil-kappella Redemptoris Mater tal-Palazz Appostoliku.
Il-Papa u l-Kurja jingħaqdu lkoll għall-irtir. Fl-aħħar jum, solennita ta’ San Ġużepp, isir il-lawdi fid-9am, li jkun segwit bl-aħħar meditazzjoni.
Kull udjenza tal-Papa tkun sospiża waqt l-irtir tal-Papa, inkluż l-udjenza ġenerali tas-16 ta’ Marzu.
IL-PAPA SE JWIEĠEB FUQ IT-TV DWAR ĠESU
Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Papa Benedittu XVI se jkun fuq it-televiżjoni jieħu sehem fi programm speċifikament biex iwieġeb tliet mistoqsijiet dwar Ġesu. Il-feature ikun trasmess fuq il-programm A SUA IMMAGINE, li jkun rekordjat ftit jiem qabel it-trasmissjoni. Il-pubbliku in ġenerali hu mistieden jissottometti l-mistoqsijiet tiegħu lill-Papa, jibgħathom fuq is-sit internet tar-RAI, biex minnhom imbagħad jintagħżlu l-mistoqsijiet finali li se jitpoġġew lill-Papa.
F’intervista fuq Radju Vatikan, il-preżentatur tal-programm Rosario Carello spjega l-inizjattiva li qal li nibtet mill-apprezzament tal-Ġimgħa l-Kbira bħala jum partikolari. Spjega kif appena nibtet l-idea, ħasbu li qed jikkontemplaw ġennata, pero fil-Papa raw karattru bi stil addattat għal tali inizjattiva u meta l-Papa ġie ffaċjat biha, fi kliemu, aċċetta mill-ewwel.