L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u naqraw dan il-kapitlu sabiħ mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, il-kapitlu 6, nibdew nisimgħu tagħrif importanti dwar min hu Ġesù. L-ewwel ħaġa li niltaqgħu magħha hi l-identità tiegħu bħala dak li niżel mis-sema, xi ħaġa li min kien jaf lill-familja tiegħu ta’ Nazaret ma setax jifhimha: “Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?” (Ġw 6:42). Ġesù jibqa’ jinsisti fuqha din. Importanti li ninnutaw fl-Evanġelju tal-lum kemm-il darba Ġesù jinsisti fuq l-identità tiegħu bħala dak li niżel mis-sema, jiġifieri dak li jaf lill-Missier, lil Alla, b’mod intimu, u jgħid li “ħadd minnkom ma ra lill-Missier ħlief l-Iben” (Ġw 6:46). Jinsisti ħafna fuq dak li aħna nemmnu li Hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem imwieled minn Marija Santissima.

Xi ħaġa oħra li jgħid, li hi importanti ħafna, hi li jqabbel lilu nnifsu mal-ħobż. Fil-fatt fil-kapitlu 6 ta’ San Ġwann, kif smajna fil-Ħdud li għaddew u se nkomplu nisimgħu, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu fil-persuna, fit-tagħlim u fil-kelma tiegħu. Imma wkoll f’dak li jħallilna fl-Ewkaristija, din il-ħaġa li qed niċċelebraw illum hawnhekk f’din ir-residenza, jippreżenta lilu nnifsu taħt ix-xbieha tal-ħobż u jgħid “Jiena l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:41).

Ejjew nippruvaw nifhmu din it-tifsira profonda tal-kelma ta’ Ġesù u niftakru fl-għażla li saret illum tal-ewwel qari. Għax l-ewwel qari ġeneralment jintgħażel biex jitfa’ dawl fuq l-Evanġelju li nkunu se naqraw. Fl-ewwel qari, jekk tiftakru, smajna silta dwar episodju mill-ħajja tal-profeta Elija. Il-Profeta Elija jiġi f’mument ta’ kriżi kbira. Illum l-istudjużi jsejħulha dipressjoni. Kulħadd jgħaddi minnha din, min ftit u min ħafna. U tant kienet qawwija din id-dipressjoni li qabdet lill-profeta Elija, li xtaq li ħajtu tintemm. L-ewwel talba tiegħu fil-fatt hi lill-Mulej li jitlob li jmut – “issa biżżejjed Mulej, ħudli ’l ħajti.” (1 Slat 19:4). Nimmaġina intom ukoll f’mument tad-dlam lill-Mulej tgħidulu l-istess. Mhux se jieħu għalih. Għidulu: “bħalma qallek il-profeta Elija.” Inti biex tiskuża ruħek għidlu bħalma qallek il-profeta Elija, “issa xbajt.”

Imma mbagħad ir-risposta tal-Mulej lill-profeta Elija x’kienet? Li jibgħatlu l-għajnuna. “qum,” (1 Slat 19:7) jgħidlu l-anġlu lill-profeta Elija “u kul.” (1 Slat 19:7) Il-ħobż li jingħata lill-profeta Elija jgħinu biex jibqa’ miexi fit-triq tiegħu. U din tfakkarna fl-espressjoni sabiħa li aħna wkoll nużaw għall-Ewkaristija. Qatt smajtu bil-kelma vjatku?

Fl-antik il-kappillan kien joħroġ, kultant għadna nagħmluha wkoll, u jagħmel purċissjoni bis-Sagrament jgħidulha tal-Vjatku. U jqarben lill-morda tal-parroċċa bieb bieb, bħalma nagħmlu aħna llum anke bit-tqarbin tal-morda permezz tal-ministri straordinarji. (Nixtieq nirringrazzjahom ta’ dan is-servizz kif ukoll is-saċerdoti u d-djakni tagħna.) Imma l-kelma ‘vjatku’ minn via tfisser dak li jrejqek fit-triq. ‘Viaticum’ hu dak li ġġorr miegħek meta sejjer għal għonq it-triq. Il-viaticum hi xi ħaġa li tmatnik, tagħtik wens, trejqek fil-vjaġġ. Bħalma għamel l-anġlu permezz ta’ dik il-ftira moħmija u ġarra ilma li ta lill-profeta li kien għejja, propju x-xewqa tiegħu kienet li jmut, u jagħtih dan l-ikel biex irejqu.

Ġesù juża l-istess tixbiha meta jippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja. Imma Ġesù ma jibżax lanqas mill-kelma ‘mewt’. Għax il-ħobż li hu Ġesù mhuwiex għal din il-ħajja biss. Il-kelma tiegħu ma tgħinekx biss f’din il-ħajja biex tgħix ta’ nies. Importanti li jkollna min jmantnina, jgħinna, idawwal id-deċiżjonijiet u l-menti tagħna f’din il-ħajja. F’dak is-sens Ġesù hu l-ħobż tal-ħajja. Imma jgħallimna wkoll u jwegħedna li din il-ħajja li qed joffri, dan l-ikel li huwa Hu stess – fil-Kelma tiegħu, fl-Ewkaristija, Hu stess – huwa għall-ħajja ta’ dejjem.

“Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż, jgħix għal dejjem” (Ġw 6:51). Imma din il-ħajja ta’ dejjem ma tibdiex mal-mewt. Tibda minn issa. Il-mewt hi dak il-bieb li minnu rrid ngħaddi. Ġismi u ruħi jittrasformaw ruħhom u nibda ngħix il-ħajja dejjiema, il-ħajja eterna, lil hemm mill-mewt. Imma anke lil hawn mill-mewt. L-għażla tiegħi jekk inkun ma’ Ġesù u nitrejjaq bih, bil-Kelma tiegħu, bl-Ewkaristija li hu Ġesù nnifsu, nibda ngħix minn issa l-ħajja ta’ dejjem. Tgħiduli imma aħna midinbin u nogħtru fit-triq. Iżjed ma nirrealizzaw li ngħotru, iżjed ma nirrealizzaw li aħna midinbin, nifhmu kemm għadna bżonnu. Kemm għandna bżonn dan il-ħobż li jmantnina, li jrejjaqna.

“Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu. Dan hu l-ħobż nieżel mis-sema,” (Ġw 6:31). Qed jitkellem fuqu nnifsu, għax ftit qabel qalilna “jiena nżilt mis-sema” (Ġw 6:42).

“Dan il-ħobż nieżel mis-sema biex min jiekol minnu ma jmutx.” (Ġw 6:46). Aħna nafu li se mmutu. Tisimgħuni ngħid meta trid Mulej, m’iniex mgħaġġel, mhux hekk. Imma nafu li se mmutu. U Ġesù jgħidilna “ma tmutux.” Xi tfisser? Li inti li għażilt il-ħajja anke meta tgħaddi mill-bieb tal-mewt, tibqa’ tgħix. Tibqa’ tgħix. U din hi l-fidi tagħna. Aħna rridu ngħaddu mill-bieb tal-mewt. Ma noqogħdux inqarqu bina nfusna.

Il-mistoqsija hi l-ħajja li għażilt li ngħix hi l-antiporta tal-ġenna? Mhux biżżejjed għandna sħana, hemm għalfejn infittxuha għal dejjem ta’ dejjem? Imma l-għażla mhux aħjar ikollok xi mkien fejn irewħulek, aħna ngħidu l-mistrieħ ta’ dejjem (nispera li hemm airconditioning). Xi ħaġa jirranġa. Imma l-għażla f’idejja.

Jiena nista’ nkun purgatorju, biex ma ngħidx infern, għalija nnifsi u għal ħaddieħor. Kull min kif jarani jieħu qata’: “Ġej dak! Ġejja dik! Ħa nibdew bil-kwistjonijiet!” L-għażliet f’idejna. Aħna nistgħu nibnu l-eternità tagħna minn hawnhekk. Imma għandna bżonnu. Dik il-kelma ta’ San Ġorġ Preca li jgħallimna biex ngħiduha wara t-tqarbin. Lista ta’ talbiet kollha jibdew b’din it-talba qasira: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.’

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 19:4-8
Salm: 33(34):2-3,4-5,6-7,8-9
Qari II: Efes 4:30–5:2
L-Evanġelju: Ġw 6:41-51

Aktar ritratti