• L-Ewwel Qari 

    Mill-Ktieb ta’ Ġeremija 31:31-34

    “Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej. “Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: ‘Agħraf il-Mulej’, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.”

    Salm Responsorjali

    Salm 51 (50): 3-4.12-13.14-15

    Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
    fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
    Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
    naddafni mid-dnub tiegħi.
     

    Oħloq fija qalb safja, o Alla,

    u spirtu qawwi ġedded fija.
    La twarrabnix minn quddiemek;
    tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.
     

    Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

    u bi spirtu qalbieni wettaqni.
    Lill-midinbin ngħallem triqatek,
    u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

    It-Tieni Qari

    Mill-ittra lill-Lhud 5:7-9
     Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser  l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

    L-Evanġelju

    San Ġwann 12:20-33

    Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.” Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat.  Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. 

    “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek.” Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah.” In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom.Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.