Wieħed mill-oqsma soċjali li fiħ il-Knisja toffri servizz u li għalih jinħareġ sussidju sostanzjali huwa dak tal-anzjani, b’responsabbiltà diretta ta’ ħames djar li fihom jgħixu madwar 303 residenti. Minbarra dawn id-djar, hemm 9 djar oħra li jitmexxew mill-ordnijiet reliġjużi u li fihom jgħixu madwar 359 residenti.

Dar Sant’ Anna hija waħda mid-djar tal-anzjani li taqa’ taħt ir-responsabbilta’ diretta tal-Arċidjoċesi. Din id-dar tilqa’ fiha 32 anzjan li 33% minnhom huma dipendenti kwazi għal kollox. Biex topera, Dar Sant’ Anna tħaddem 16-il persuna fuq bażi full-time/part-time u toffri wkoll servizz ta’ nursing kontinwu. Il-miżati li jħallsu ir-residenti jvarjaw minn minimu ta’ €15-il sa massimu ta’ €30 kuljum. Dawn il-miżati ma jinbidlux skond il-kundizzjoni ta’ saħħa u d-dipendenza tar-residenti, anke jekk din tinbidel wara li l-anzjani jkunu daħlu fid-dar.

Minħabba limitazzjonijiet finanzjarji, l-amministrazzjoni ta’ Dar Sant’ Anna qed iżżomm lura milli tidħol għal proġett ta’ refurbishment ta’ flatlette li għandha biswit id-Dar biex tkun tista’ tilqa’ aktar anzjani. Dan il-proġett huwa stmat li jiġi jiswa aktar minn €32,000.

Illum Dar Sant’ Anna tista’ tkompli topera grazzi għas-sussidju mill-Fond Ċentrali tal-Knisja f’Malta, li bejn is-snin 2008 u 2010 kien ta’ mhux anqas minn €171,000.

FATTI DWAR ID-DJAR TAL-ANZJANI TAL-ARĊIDJOĊESI:

  • Id-Djar tal-anzjani li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ diretta tal-Arċidjoċesi huma:

–       Casa Leone, San Ġiljan (75 anzjan)

–       Dar Saura, ir-Rabat (65 anzjan)

–       Dar Sagra Familja, in-Naxxar (86 anzjan)

–       Dar Sant’ Anna, l-Isla (32 anzjan)

–       Dar tal-Kleru, Birkirkara (45 anzjan)

  • F’dawn id-djar tal-anzjani:

–       jgħixu 303 residenti

–       jaħdmu 233 ħaddiem (full-time/part-time)

  • L-iktar spejjez għoljin f’dawn id-djar huma:

–       Il-pagi tal-ħaddiema u professjonisti (68% tal-ispejjeż totali)

–       L-ikel (10%)

–       Id-dawl u l-ilma (8%)

  • Fil-perijodu 2001 – 2010 il-Fond Ċentrali tal-Arċidjoċesi ħareġ aktar minn €2,600,000 f’sussidju biex jinżammu miftuħa dawn id-djar tal-anzjani.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]