Il-Kummissjoni Tfal tal-Knisja f’Malta qed taħdem biex titwaqqaf kummissjoni f’kull parroċċa li tirrapreżenta lit-tfal bil-għan li dawn jintlaħqu aktar mill-qrib u jieħdu sehem aktar attiv fil-Knisja. Matul din is-sena ġew iffurmati uffiċċjalment tlett kummissjonijiet tat-tfal, fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar, San Ġiljan u Fleur-de-lys, filwaqt li xi parroċċi oħra qed iħejju biex jiffurmaw kummissjoni simili.
Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) hi magħmula minn 20 tifel u tifla minn parroċċi differenti u 4 membri adulti. Il-President tal-Kummissjoni hija Elena Xerri, tifla ta’ ħdax-il sena, filwaqt li d-Delegat tal-Arċisqof għat-tfal hija Sr Anna Sammut OSA.
Fost il-ħidmiet li twettaq, il-Kummissjoni tara li t-tagħlim tal-Knisja jiftiehem sew mit-tfal. Huwa propju għalhekk li fi żmien ir-Randan u l-Avvent, il-Kummissjoni tadatta għat-tfal u tipproduċi verżjoni awdjo-viżiva tal-pastorali tal-Isqfijiet. Din titqassam fil-parroċċi kollha u fl-iskejjel tal-Knisja.
Huwa wkoll fl-interess tal-Kummissjoni li ssemma’ leħinha f’isem it-tfal dwar suġġetti li jolqtu lilhom, u li tressaq suġġerimenti lill-Arċisqof dwar x’għandu jsir fil-Knisja favur it-tfal. Matul din is-sena, il-KDT se taħdem ukoll fuq il-liturġija tat-tfal biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar fil-quddiesa, partikolarment dik tal-Ħadd.
Minbarra attivitajiet soċjali u ta’ formazzjoni, il-Kummissjoni tieħu ħsieb torganizza s-sehem tat-tfal f’attivitajiet djoċesani bħal ma hija l-festa liturġika ta’ Kristu Re. Din l-attività ser issir għada, s-Sibt 19 ta’ Novembru, fl-iskola ta’ Santa Monica, Birkirkara, fit-3.45 p.m. Din iċ-ċelebrazzjoni qed ssir ukoll fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal. Il-programm li ser jittella’ jinkludi kant, żfin, reċti, djalogu, mumenti ta’ talb, logħob u s-sehem tal-kor ta’ Santa Monika Birkirkara mmexxi minn Sr Vania Bonello. Il-mistiedna speċjali ser tkun Nicole Azzopardi li rebħet il-Junior Eurovision is-sena l-oħra u li ser taqsam ma’ dawk l-preżenti l-esperjenza ta’ kif tħalli lil Ġesù jaħdem fiha anke permezz tad-don tal-kant. L-attività ġiet organizzata mit-tfal stess u għaliha ġew mistiedna jattendu t-tfal mill-parroċċi kollha. L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u s-Sinjura Helen D’Amato, Kummissarju tat-Tfal, ser ikunu preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal twaqqfet mill-Arċisqof Pawlu Cremona fl-2008, fuq proposta tal-Pjan Pastorali tad-Djoċesi għas-snin 2007 – 2008, bil-għan li t-tfal ikollhom vuċi fil-Knisja u biex il-Knisja tara aspetti differenti tal-ħajja mil-lenti tagħhom.