Il-Papa Benedittu XVI laqa’ parteċipanti f’Kungress dwar l-media kattolika, organizzat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, u li għaddej f’dawn il-jiem f’Ruma. Meta indirizza lill-parteċipanti ġejjin minn 85 pajjiż differenti, il-Papa rrefera għal żewġ aspetti tar-rwol tal-media kattolika. Semma n-natura speċifika tal-mezz ta’ komunikazzjoni nnifsu…jiġifieri “il-kelma miktuba” u l-importanza u l-effettivita tas-soċjeta li rat bidla f’dan is-settur tul is-snin. It-tieni, semma l-konnotazzjoni ‘Kattolika’ b’responsabbilta permezz ta’ impenn kontinwu lejn il-verita’.
“Ġurnalisti kattoliċi għandhom ifittxu l-verita b’moħħ u b’qalb li jkunu appassjonati, kif ukoll, pero, bi professjonalita min-naħa tal-ħaddiema kompetenti mħarrġa kif imiss”, qal il-Papa. Il-Papa semma wkoll l-element ta’ indifferenza li jeżisti fid-dinja tal-lum. Tkellem dwar il-perikli ta’ dinja virtwali, li tippreżenta ġrajja b’kull skop minbarra dak li tqanqal riflessjoni fl-individwu. Qal li fid-dawl ta’ dan kollu, il-media kattolika hi msejħa għal missjoni indispensabbli li twassal dak il-messaġġ li joffri tama. Il-Papa rrefera ghall-messaġġ ta’ salvazzjoni kif imwassal lilna fl-Iskrittura Mqaddsa. Fi kliemu, kulħadd għandu jfittex li jgħożż il-wirt ta’ valuri li għandhom ikunu ta’ ispirazzjoni għal kull ġenerazzjoni. Qal li hi perikoluża u ta’ ħsara kbira l-idea li l-ħajja tista’ tingħex mingħajr Alla.
Il-Papa temm jgħid li “l-media kattolika għandha tgħin lill-bniedem tal-lum jerġa lura lejn Kristu, l-uniku Salvatur, u għandha tgħin biex fil-ħajja ħadd ma jitlef it-tama”.