Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, il-Papa Benedittu XVI, dil-ġimgħa kkonkluda s-serje ta’ katekeżi dwar it-talb ta’ Ġesu. L-iktar punt li l-Papa saħaq dwaru kien l-importanza tas-silenzju fir-relazzjoni ma’ Alla.
“Fil-ħajja u fit-talb ta’ Ġesu, speċjalment fl-esperjenza tas-salib, naraw kontinwament l-użu tal-kelma u tas-silenzju. Is-silenzju ta’ Ġesu fuq is-salib hu l-aħħar kelma lill-Missier, l-iprem talba. Biex wieħed jisma lil Alla jeħtieġ jikkultiva silezju estern u silenzju ġewwieni, sabiex l-istess Kelma divina tkun tista’ tinfed il-qalb u tirriformaha”, qal il-Papa.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika ssokta li “Ġesu jgħallimna li Alla jikkomunika magħna lkoll, speċjalment fil-mumenti diffiċli, u dan permezz tas-silenzju, li jistedinna għal fidi iktar profonda u għal iktar fiduċja fil-wegħdiet tiegħu. Ġesu hu l-ikbar għalliem tat-talb. Mit-talb tiegħu nitgħallmu kif nafdaw f’Alla l-Missier”.
Benedittu 16 ikompli jgħid li “fid-djalogu filjali tiegħu, aħna wkoll nitgħallmu nagħrfu l-ħafna doni li Alla jagħtina, nagħrfu wkoll nwieġbu għar-rieda tiegħu, li finalment tagħti dejjem tifsira u direzzjoni lill-ħajja tagħna”.
Wara l-katekeżi, il-Papa sellem lill-pellegrini f’bostna lingwi, inkluż bl-Ingliż, partikolarment lil gruppi diversi ta’ studenti mill-Istati Uniti tal-Amerika.
Il-Papa sellem ukoll lill-Patrijarka ta’ Cilicia responsabbli mill-kattoliċi Armeni u lill-Isqfijiet Kattoliċi Armeni li kienu f’Ruma għall-Assemblea tas-Sinodu tal-Knisja tagħhom.
Il-Papa temm joffri talb għar-reġjuni tal-Lvant Nofsani. Inkoraġixxa wkoll perseveranza lill-fidili u l-mexxejja tagħhom.