-
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA), b’dispjaċir tinnota li l‑Masterplan propost għal Paceville jidher li qiegħed jikkonsidra aspetti iżolati tas‑sitwazzjoni li fiha sab ruħu dan il‑lokal, mingħajr ma jqis li l‑kaġun tas‑sintomi kollha huwa wieħed: nuqqas ta’ sostenibilità f’kull żvilupp li sar. Għalhekk wieħed kien jistenna li l‑Awtorità tal‑Ippjanar u l‑Gvern ikunu għaqlin biżżejjed li jidentifikaw sewwa l‑għerq tal‑problemi kollha, u jitgħallmu mill‑passat biex ma jiġux ripetuti l‑iżbalji li saru.
Il‑Masterplan jitkellem dwar perspettiva integrata għall‑proċess kollu (integrated approach). Iżda l‑KA ma tistax tifhem kif il‑metodoloġija użata fit‑tfassil ta’ dan il‑pjan, naqset milli qabel xejn tnkkonsulta mar‑residenti. Tħoss li l‑għan ewlieni wara dan il‑Masterplan huwa l‑iżvilupp bla rażan a skapitu tal‑interessi tar‑residenti u taċ‑ċittadin komuni. Dan jidher mill‑fatt li xi żviluppaturi xorta waħda jippreferu li l‑pjan ikun flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jibnu fejn ikollhom iċ‑ċans.
Għaldaqstant il‑pjan għandu jiġi rivedut, u jingħata widen għal dak li għandhom xi jgħidu l‑membri ta’ din il‑komunità, għax il‑kwalità tal‑ħajja tagħhom għandu jkollu prijorità assoluta.
Il‑KA jidhrilha li r‑reputazzjoni li qed jieħu Paceville minħabba l‑ġeneru ta’ servizzi li qed joffru ċerti stabbilimenti mhijiex tajba u żgur mhix tgħin biex ikun hemm high‑quality branding tal‑lokal.
Dwar ir‑reklamazzjoni tal‑art, il‑Kummissjoni tħoss li din m’għandhiex tiġi kkunsidrata jekk tkun tipperikola r‑rikkezza tal‑biodiversità marina. Barra minn dan, għandu jsir minn kollox biex titħares il‑kosta lokali anke fid‑dawl ta’ dak li ġie deċiż fil‑parlament madwar sitt xhur ilu.
Il‑KA tirreferi għal tlieta minn għadd ta’ proposti li kienet għamlet waqt konferenza organizzata minnha f’Diċembru tas‑sena l‑oħra, u li tqis li huma relevanti ħafna għall‑proġett. Dawn huma:
- Li jsir studju dwar id‑domanda u l‑provvista tal‑propjetà f’Malta u l‑ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa il‑propjetà. Dan l‑istudju huwa indispensabbli fil‑każ tal‑proġett ta’ Paceville.
- Li l‑Gvern u l‑awtoritajiet jinfurzaw ir‑regolamenti mingħajr biża’ u favur b’mod ġust ma’ kulħadd sabiex tiġi garantita l‑ordni u l‑paċi pubblika. M’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew il‑Masterplan biex dan jitwettaq.
- Li jitwettqu r‑riformi meħtieġa fil‑mod kif art pubblika tinkera, tingħata b’ċens jew tgħaddi lil terzi persuni, u biex tiġi żgurata trasparenza fl‑għoti ta’ tenders li għandhom x’jaqsmu mal‑ambjent.
Fuq kollox, il‑KA issostni li l‑qliegħ li se jiġi ġġenerat mill‑iżvilupp bis‑saħħa ta’ dan il‑Masterplan, għandu jikkontribwixxi għall‑infrastruttura, kif ukoll jagħmel tajjeb għall‑esproprjazzjoni li jkollha ssir biex iseħħ dan l‑istess żvilupp.
Skont il‑KA, dan il‑proġett joffri okkażjoni biex nibdlu r‑raġunament li jpoġġi l‑qliegħ qabel kull konsiderazzjoni oħra tal‑ġid komuni u l‑kwalità tal‑ħajja tan‑nies. Għandna opportunità biex inwettqu riġenerazzjoni ta’ Paceville li tpoġġi is‑sensitività għall‑ħtiġijiet soċjali, il‑ġustizzja soċjali u r‑responsabbiltà ambjentali bħala s‑sisien ta’ kull żvilupp ekonomiku. Se nerġgħu nħallu din l‑opportunità taħarbilna minn idejna?
Agħfas hawn biex tniżżel il-Position Paper dwar il-Masterplan ta’ Paceville.